Jista’ jitqies bħala surreali dak li qed jiġri f’Malta bħalissa.

Ta’ kuljum qed joħorġu fil-beraħ aktar fatti li jkomplu jgħaqqdu flimkien il-biċċiet li Daphne Caruana Galizia kienet bdiet iddomm. Il-ġurnal Sueddeutsche Zeitung kixef it-transazzjonijiet bankarji marbuta ma’ 17 Black li kkonfermaw dak li ħafna kienu diġà ssuspettaw: li Konrad Mizzi u Keith Schembri ħbew ġidhom bis-saħħa ta’ struttura finanzjarja kumplessa.

Hemm min qed iħoss li m’hemm xejn ġdid f’dak li xxandar s’issa. Minn banda dan huwa minnu. Iżda mill-banda l-oħra dak li ġie żvelat ikompli jikkonferma dak li kien ixxandar permezz ta’ provi oħra li kienu nġiebu żmien ilu.

Ħadd m’għandu jistenna l-mirakli. Dak li ġie żvelat s’issa la se jġiegħel lill-ħatja biex jassumu r-responsabbiltà, la se jixpruna lill-awtoritajiet biex jaġixxu, la se jġiegħel lill-partitarji Laburisti biex joqgħodu lura mill-fanatiżmu tagħhom u lanqas se jġiegħel lin-nies toħroġ tipprotesta fit-toroq.

M’għandniex xi ngħidu, issa qegħdin nifhmu aħjar dak li kienet ippruvat tfiehem Daphne Caruana Galizia dwar it-taħwid li Konrad Mizzi u Keith Schembri, bil-barka ta’ Joseph Muscat, kienu qed iħawdu fil-borma tagħhom. Issa mhux hi biss qed tiżvela dawn l-istejjer. Għalkemm dan minnu nnisfu mhux daqstant importanti għaliex, wara kollox, jekk storja hi vera, tibqa’ vera jirrakkuntawha kemm jirrakkuntawha nies.

Din id-darba l-klikka ta’ Joseph Muscat mhux lakemm tipprova tqiegħed sarima ma’ ħalq il-ġurnalisti. Daphne Caruana Galizia kompliet tisfidahom minkejja l-fatt li kienu għamlu minn kollox biex isikktuha b’kawżi u mandati, SLAPPs, tgħajjir u intimidazzjoni: kellha tkun bomba li spiċċat sikktitha.

Din id-darba ma jistgħu jagħmlu xejn fil-konfront ta’ The New York Times, The Guardian, Le Monde, La Repubblica, Sueddeutsche Zeitung u l-oħrajn kollha. Mhux se jkunu jistgħu jagħmlu l-mandati biex jissekwestraw flus depożitati fil-bank biex jippruvaw ikissru lill-ġurnalisti. Is-Super 1 ta’ xejn jipprova jagħmel kampanji biex jiddemonizza l-ġurnalisti minn madwar id-dinja.

U issa lanqas biss jistgħu jeliminawhom kollha f’daqqa permezz ta’ xi bomba.

Jekk xejn, dak li nkixef din il-ġimgħa jikkonferma dak li kienet xandret waħedha Daphne Caruana Galizia u dan ikompli jagħti bixra rreżistibbli ta’ kredibilità  – kredibilità li kienet ġiet miċħuda lilha, bla ma kien jistħoqqilha, mix-xettiċi li kienu baqgħu ma ridux jemmnu dak li diġà kien ovvju.

Dan issa nistgħu nikkunsidrawħ bħala każ magħluq għal dejjem? Le ma nistgħux. Għaliex sirna qisna poplu lluppjat bid-droga: l-istejjer li xxandru ma jixxukkjawniex bl-istess mod kif l-imwiet u t-tbatija huma ħaġa ta’ kuljum għal dawk it-tfal li jgħixu f’żoni ta’ gwerra.

Tagħtux każ lil dawk li jixgħelu x-xemgħat lil Joseph Muscat għax f’għajnejhom hu l-eroj tagħhom u li jibqgħu jappoġġjawħ jagħmel x’jagħmel. Għalihom m’hemmx tama. Aħsbu biss f’dawk in-nies li jużaw moħħhom u li xi drabi juru xettiċiżmu żejjed anke meta jkollhom il-provi taħt imneħirhom.

L-istess bħal dawk li jservu bħala ġurati f’ġuri, ma nisgħu qatt naraw id-delitt li nkunu rridu niġġudikaw dwaru jiġi ripetut quddiem għajnejna. Neżaminaw il-provi li jinġiebu u nixtarru d-diversi interpretazzjonijiet li jingħatawlhom. Iżda fl-aħħar mill-aħħar ikollna niddeċiedu.

Hemm ukoll ħaġ’oħra. Il-provi li nġiebu llum dwar il-miljuni li ġew trasferiti f’17 Black m’humiex aktar jew inqas kredibbli mill-provi li kienu nġiebu sentejn ilu dwar l-istrutturi li kienu nħolqu fil-Panama.

Ma rrid innaqqas xejn mill-mertu tax-xogħol brillanti li wettqu l-ġurnalisti ta’ Sueddeutsche Zeitung. Iżda qed nistenna li dawk ma ċċaqilqux fil-konvizjoni tagħhom minkejja l-provi li kienu nġiebu dwar l-istrutturi tal-Panama, xorta mhux se jiċċaqalqu issa. 

Ejja nkunu ċari. Sueddeutsche Zeitung ma ġabitx il-provi li xandret permezz ta’ xi bakketta maġika. Ġabithom għax għamlet xogħol investigattiv tal-istess kalibru ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-Pulizija m’għandhiex ikollha diffikultà li tiġbed l-istess konklużjonijiet. U r-rapporti tal-FIAU juru li min kien qed jinvestiga kien daħal fil-fond sew.  

Inkunu ċari wkoll li l-qrati Maltin diġà taw ordni lill-Pulizija biex jagħmlu l-indaġnijiet tagħha. Iżda dik l-ordni m’għoġbitx lill-avukati ta’ Keith Schembri, Konrad Mizzi u lill-kap suprem Joseph Muscat u kollox għadu mwaħħal fil-Qorti.

Inevitabilment sirna pajjiż indifferenti. Aħna u naraw l-istituzzjonijiet tal-pajjiż jagħmlu minn kollox biex jostru l-verità, għaliex għandna naħsbu li l-istess verità li kienu żvelaw Daphne Caruana Galizia jew Simon Busuttil issa se ġġib magħha konsegwenzi differenti dan kollu għax qiegħda tixxandar fuq l-ewwel paġna tal-ġurnali ewlenin ta’ madwar id-dinja?

Din hi r-realtà. Bħalissa l-pajjiż qed iħares lejn il-mera u jistaqsi: “issa x’se jiġri?” u dan minkejja l-fatt li t-tweġiba għal din il-mistoqsija ilna nafuha għal dawn l-aħħar sentejn.

Jeħtieġ nirrikonoxxu li din l-indifferenza hi konsegwenza tal-kruha, l-kumplessità u l-kobor tal-provi li nġiebu u tal-impunità sfaċċata ta’ min għadu qed jabbuża mill-poter u tal-kriminali li għalihom jidher li ma jista’ ħadd.

Bħal daż-żmien sena ilu Daphne Caruana Galizia kienet ġibdilti widinti. Iltqajt magħha fi Triq ir-Repubblika, l-Belt Valletta. Kienet għadha kif ħasdet lil kulħadd bl-istorja dwar l-Egrant. U jien staqsejtha “fadallek x’tikxef?”

“Dak li kxift mhux biżżejjed?” weġbitni.

Kellha raġun. Ebda prim ministru ta’ pajjiż demokratiku ma baqa’ f’postu wara li xxandret l-istorja dwar il-Panama Papers li fiha seta’ kien imdaħħal. Aħsbu ftit. Qed ngħixu f’pajjiż fejn 24 siegħa wara li l-ġurnali tad-dinja żvelaw li ministru tal-gvern iltaqa’ ma’ assassin kemm qabel kif ukoll wara l-qtil ta’ ġurnalista, dak il-ministru baqa’ f’postu.

U issa qed nitkellmu dwar xi ħaġ’oħra bħallikieku dak li ġie żvelat il-bieraħ ma seħħx. Qed nitkellmu dwar kontijiet bankarji fil-Baħamas, flejjes u tixħim minn kuntratti pubbliċi u kontijiet bankarji sigrieti.

Tant hemm taħwid li kollox jidher surreali u bħal ħolma.

Aħna Maltin. Aħna rridu s-sewwa. Sibna ruħna ngħixu f’stat tal-Mafja fejn is-sidien għandhom impunità sħiħa u ma jista’ għalihom ħadd.

Jeħtieġ li ma nibqgħux indifferenti. Jeħtieġ niftakru x’jinħass meta wieħed ikunu ixxukkjat u rrabjat. Jeħtieġ li naħdmu biex il-pajjiż li writna jerġa’ jaqbad it-triq it-tajba.