Sa fl-aħħar, is-sejħa ta’ Alfred Sant instemgħet. Tal-Labour qed isejħu lin-nies tagħhom biex jinġabru fil-Belt Valletta biex jippruvaw jintimidaw lil Peter, Matthew, Andrew u Paul Caruana Galizia u dan talli kellhom l-ardir jipprotestaw kontra l-qtil brutali ta’ ommhom. Se jgħidu li dan il-poster mhuwiex wieħed uffiċjali tal-Partit Laburista. Gidba.
U fil-frattemp il-Pulizija, li baqgħu ma bgħatux għal Chris Cardona minkejja li ilhom jafu li, kemm qabel kif ukoll wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kien kellem lil wieħed minn dawk akkużati bil-qtil tagħha, issa bgħatu għal Simon Busuttil.
Bgħatu għalija biex immur l-għassa tal-Belt Valletta, il-Ħamis fit-3PM, biex inwieġeb mistoqsijiet dwar l-allegat użu tal-karrozza personali tiegħi għall-ġarr ta’ dawn il-posters. Għax, taf int, għall-Kummissarju tal-Pulizija dan huwa aktar importanti milli jibgħat għal @ChrisCardonaMP jew għal @keithaschembri @FbdnStories pic.twitter.com/H1idXL3UzG
— Simon Busuttil (@SimonBusuttil) April 18, 2018
U tafu għal xiex bgħatu għalih? Is-sieħba tiegħu għamlet użu minn karrozza reġistrata f’ismu meta saqet lejn il-Belt Valletta biex iddendel posters li jgħaddu biż-żmien lill-prim ministru u li jisfidawħ biex iwieġeb għall-allegazzjonijiet dwar korruzzjoni. Se jgħidu li l-pulizija għamelet dan minn jeddha u mingħajr indħil politiku. Gidba.
Se jkun hemm folol fl-1 ta’ Mejju ħafna akbar mill-folol li qed jinġabru biex jitolbu li ssir ġustizzja ma’ Daphne u ma’ Malta. U l-pulizija se tinvestiga lil min ipprotesta permezz tat-twaħħil ta’ posters. Iżda mhux se tinvestiga lil min qabbad lil ħaddieħor biex iwettaq assassinju politiku. Għajnejn id-dinja jinsabu fuqna u qed josservaw kollox. Tlifna t-triq. Tabilħaqq.