Il-verità dwar il-kampanja ta’ Kastilja mmexxija mill-apoloġisti Josef Caruana, Jeffrey Pullicino Orlando u oħrajn dwar l-allegata eżistenza ta’ laptop li użat Daphne Caruana Galizia qabel mewtha li, skont huma, qed jinħeba biex tindifen informazzjoni dwar il-qtil tagħha, bil-mod il-mod tiela’ fil-wiċċ.
Din m’hi xejn ħlief kampanja ispirata mill-mibgħeda lejn Daphne Caruana Galizia u l-familja tagħha: mibgħeda li tant hi qalila li saħansitra tista’ twassal biex iddgħajjef iċ-ċans li dawk li jingħad li qiegħdu u splodew il-bomba jiġu misjuba ħatja.
M’hemm xejn ġdid f’dan kollu. Alfred Sant kien għamel kampanja mmirata biex tiskredita l-każ tal-prosekuzzjoni kontra assassini li kienu għamlu attentat biex joqtlu lil Richard Cachia Caruana. Bil-kampanja politika li kien għamel ried isaħħaħ il-każ tad-difiża tal-akkużati u biex b’hekk jipprova jassigura li dawn jinstabu mhux ħatja, u dan b’azzjonijiet imsejsin fuq il-ħażen, fuq id-dispett u fuq twemmin pervers li l-ġustizzja xieraq li sseħħ biss meta din isservi l-interessi tal-Partit Laburista.
Issa qed naraw kif ir-raġunar stupidu dwar il-laptop ittieħed ukoll mid-difiża ta’ mill-anqas wieħed mit-tliet akkużati li, għalkemm l-innoċenza tiegħu hi preżunta, jinsab mixli minħabba provi ċari li jeżistu li kien wieħed mill-assassini mqabbda biex joqtlu lil Daphne Caruana Galizia.
Alfred Degiorgio qed jallega li d-drittijiet fundamentali tiegħu jinsabu mhedda minħabba l-assenza tal-laptop.
Permezz ta’ rikors ieħor, qed jallega wkoll li l-espert maħtur mill-Qorti għandu jitwarrab minħabba l-kondotta kriminali li għandu.
Aqra d-dettalji f’dan ir-rapport imxandar fil-Malta Today.
L-avukat ta’ Alfred Degiorgio huwa Dr William Cuschieri, li m’huwiex avukat tal-għajnuna legali.
L-akkużati l-oħra għandhom jirrappreżentawhom avukati tal-għajnuna legali (jiġifieri mħallsin minni u minnek), li s’issa għadhom m’għamlux bħall-kollega tagħhom u ppreżentaw rikorsi simili.
William Cuschieri huwa wkoll l-avukat ta’ dawk – jiġifieri l-grupp ta’ Silvio Debono – li kienu ppreżentaw ruxxmata kawżi ċivili ta’ libell kontra Daphne Caruana Galizia wara li kienet xandret l-istorja li ħafna huma dawk li jsejjħulha l-istorja dwar il-ħtif tal-art tal-ITS.
Alfred Degiorgio jinsab mixli li ta sehmu biex seħħ l-assassinju iżda ħadd – ħlief forsi dawk li għandhom xi skorfina jew tnejn neqsin – m’hu jemmen jew jimmaġina li hu u l-akkużati l-oħrajn, kienu dawk li ħadu l-inizjattiva biex iseħħ id-delitt.
Jekk jinstabu ħatja, ikunu ħatja li ħadu sehem biex seħħ id-delitt, iżda mhux li kienu l-imħuħ wara d-delitt.
Għaldaqstant dak li jista’ jkun hemm jew ma jkunx hemm fil-laptop m’huwuex rilevanti għad-difiża ta’ Alfred Degiorgio.
Daphne Caruana Galizia qatt ma kienet kitbet dwar Alfred Degiorgio jew iż-żewġ akkużati l-oħra u wieħed jista’ reġjonevolment jippreżumi li dawn qatt ma qraw dak li kienet tikteb.
Allura ħadd ma jista’ jlumni jekk nikkonkludi li r-riferenzi li qed isiru għal-laptop m’huma xejn ħlief tattika biex isservi ta’ aljenazzjoni u biex tħawwad l-imħuħ tan-nies.
Dwar it-twarrib tax-xogħol li sar mill-espert maħtur – u milli jidher fdat – mill-Qorti, dan hu suġġett li jeħtieġ li jiġi spjegat minn William Cuschieri meta ssir it-trattazzjoni quddiem il-Qorti.
Fil-frattemp, nistennew li ssir il-ġustizzja, kif jistennew ukoll il-mixlija li lkoll iddikjaraw li m’humiex ħatja.