Il-mara tal-propjetarju tal-Bank Pilatus Ali Sadr, li jinsab mixli bi frodi bankarja, akkwistat permess biex taqsam appartament kbir li jħares fuq il-baħar f’182, Triq it-Torri, Tas-Sliema.

Il-mara ta’ Ali Sadr, Yasemin Aral, ingħatat permess biex taqsam fi tnejn l-appartament fejn jgħix is-CEO tal-bank Hamidreza Ghanbari ħalli tkun tista’ toqgħod Malta.

Il-permess inħareġ fit-30 ta’ Ottubru, 2017.

Yasemin Aral, li oriġinarjament hija mit-Turkija, iżżewġet lil Ali Sadr fl-2015 f’Firenze. Il-Prim Ministru Joseph Muscat u martu mexxew delegazzjoni ta’ mistiedna VIP minn Malta li attendiet għal dan it-tieġ.

Il-mara ta’ Ali Sadr kellha l-intenzjoni li ssir residenti f’Malta fejn żewġha kien imexxi l-Bank Pilatus, li llum nafu li kien paraventu għall-ħasil ta’ flus għal ammont żgħir ta’ klijenti biljunarji biex jagħmlu l-ewwel pass tagħhom fil-qasam bankarju fl-Ewropa. Il-klijenti tal-Pilatus kienu jinkludu lil Keith Schembri – iċ-chief of staff ta’ Joseph Muscat – u l-konsulent tiegħu John Dalli.

Illum Ali Sadr jinsab arrestat mill-awtoritajiet federali Amerikani u mixli b’diversi akkkużi ta’ frodi bankarja u li pprova jevita s-sanzjonijiet fuq l-Iran.

Id-data tal-ġuri tiegħu mistennija tiġi deċiża fi smigħ li għandu jsir fis-16 ta’ Mejju.

Sadanittant, l-eksimpjegata tal-Bank Pilatus u llum whistleblower Maria Efimova llum kienet preżenti għal seduta tal-Qorti Suprema Griega. Il-Qorti qed tikkunsidra l-appell tal-Gvern Grieg minn deċiżjoni ta’ qorti inferjuri li tirrifjuta t-talba ta’ Malta biex Efimova tiġi estradita ħalli tiffaċċja akkużi ta’ miżapproprjazzjoni ta’ inqas minn 2,000 ewro mill-Bank Pilatus kif ukoll l-akkuża li għamlet rapport falz li ġiet ittrattata ħażin mill-pulizija meta dawn arrestawha b’rabta mal-ilment tal-Bank Pilatus. Fis-seduta tal-lum, il-qorti semgħet l-evidenza li ressaq quddiem l-MEP David Casa.

Deċiżjoni finali f’din il-kawża min-naħa tal-Qorti Suprema Griega hija mistennija qabel l-aħħar ta’ Mejju.

Sadanittant, waqt li għaddej dan kollu, it-tmexxija tal-Bank Pilatus ġiet trasferita f’idejn ‘persuna kompetenti’ li ġiet appuntata mir-regolatur tas-servizzi finanzjarji u skont rapporti l-bank m’għadu qed jipprovdi l-ebda servizzi lill-klijenti tiegħu.

Mhux magħruf kif beħsiebha tipproċedi Yasemin Aral fir-rigward tal-appartament tagħha f’Tas-Sliema wara dawn l-iżviluppi.