X’aktarx bl-eċċezzjoni ta’ erba’ boloħ, kulħadd ħass sens ta’ rabja, sogħba u niket wara li seħħ l-attakk insensat li wettaq ċakkar ixxellerat fuq kuntistabbli tal-pulizija. Iżda, fost din l-unanimità rari, xorta waħda għandek ssib nies ċiniċi li jaħtfu kull opportunità biex jużaw dan l-inċident vili għall-vantaġġ politiku tagħhom.
Dawk li dalgħodu imxew fit-toroq tal-Belt Valletta għamlu dan għaliex ħassew li dan kien l-uniku mod li biħ setgħu juru s-solidarjetà sħiħa tagħhom mal-vittma, mal-familja tiegħu u mal-kollegi tiegħu li tant sofrew konsegwenza ta’ dan l-attakk. Dawn is-sentimenti inħassu minn kważi kulħadd.
Kien hemm ukoll xi wħud li dalgħodu fil-Belt Valletta tkellmu favur kunċetti faxxisti dwar il-“ħtieġa ta’ dixxiplina” u l-“ħtieġa għal aktar rispett lejn l-awtorità”.
Dan il-pajjiż mhux dixxiplina u rispett lejn l-awtorità għandu bżonn. Għandu bżonn ir-rispett lejn il-liġi u azzjoni kontra dawk li jiksruha, huma min huma. Il-pajjiż għandu bżonn infurzar oġġettiv li ma jippermettix kriminali li, bil-barka tal-politiċi, jisfidaw il-liġi u li jgħadduha lixxa minkejja t-twettiq minn naħa tagħhom ta’ atti kriminali.
M’hemmx dubju li l-Pulizija għandha tipproteġi lilha nfisha minn atti ta’ vjolenza fuq il-membri tagħha. Il-Pulizija tinsab fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-kriminalità u dan il-fatt biss m’għandux jesponihom għall-ġrieħi jew għal axi ħaġa agħar minn hekk. Irridu nemmnu li l-Pulizija għandha l-mezzi biex tħares lill-membri tagħha għaliex, wara kollox, aħna nistrieħu fuq il-ħila ta’ dawn il-membri biex jipproteġuna.
Dan iżda ma jfissirx, kif f’dawn l-aħħar jiem qalu x’uħud, li l-Pulizija jistħoqqilha li tiġi obduta minħabba l-uniformi li tilbes. Bla sens u malizzjuż min jirraġuna li t-tfigħ ta’ ajruplani tal-karti lejn il-bieb maqful tal-kwartier tal-pulizija jew il-garar ta’ xi ħaxixa jew frotta lejn immaġni tal-kummissarju iwasslu għal attakki vili bħal dak li rajna din il-ġimgħa.
Dawn il-faxxisti qed igħidu li, biex isaltan ambjent ta’ ubbidjenza lejn l-awtorità (bla dubju din hi meħtieġa meta pulizija jkun qed jidderieġi t-traffiku) m’għandux ikun hemm protesti kontra xi azzjoni li tkun ħadet il-Pulizija.
Din hi r-raġuni għaliex il-prim ministru ħareġ għan-nofs biex ifakkarna li għandna naqblu ilkoll dwar l-awtorità li għandu jkollha l-Pulizija. Hu u jgħid dan id-diskors, il-prim ministru straħ fuq is-suppożizzjoni li ħadd m’hu se jmerih għaliex ħadd ma jkun irid jidher bżallikieku qed japprova l-attakk li sar din il-ġimgħa fuq l-imsejken kuntistabbli. Jien ma napprovax l-attakk li sar fuq dan l-imsejken. Iżda kelliema tal-Labour diġà qalu li jien b’xi mod ikkawżajt – jew kelli sehem fl-attakk. U dawn qalu hekk qabel jien kont għadni lanqas tniffist dwar l-attakk.
Aqraw hawn id-diskors kollu li huma kkwotaw barra mill-kuntest tiegħu biex jippruvaw juru li għandhom raġun.
Il-Pulizija għandha tiġi rispettata meta l-ordnijiet li tagħti jkunu leġittimi u meta l-liġi li huma jinfurzaw tkun waħda ġusta. Il-membri tal-korp jitħoqqilhom kull appoġġ meta jinfurzaw il-liġi b’mod konsistenti mingħajr biża’ u favuri.
Meta Lawrence Cutajar kien stqarr pubblikament li ma jsib ebda raġuni għala għandu jibda’ inkjesta dwar il-Pilatus Bank u dan wara li ġurnalista kienet xandret storja li fil-Bank kien hemm dokumenti li juru li membru tal-familja ta’ Joseph Muscat kienet ixxaħħmet bi flus ġejjin mill-Ażerbajġan, huwa rrinunzja għad-dritt tiegħu għall-awtorità u, wisq inqas, li jgawdi r-rispett. Aktar u aktar meta l-għada, nesa’ dak li kien stqarr u mexa’ fuq l-istruzzjonijiet ta’ min allegatament wettaq delitt u għamel tfittxija fil-Bank wara li d-dokumenti inkriminanti kienu leħqu tneħħew u wara li kien qal li ma kienx hemm ħtieġa ta’ investigazzjoni.
Meta jiġru dawn l-affarijiet, huwa dmir taċ-ċittadin li jipprotesta. U protesta fit-tifsira tagħha ma tistax tkun bis-suddizzjoni u bir-riverenzi. Ir-reputazzjoni tal-Pulizija ma tixxellifx tort tal-protestanti. F’dan il-każ kien il-Kummissarju stess u kif ukoll il-lagħqa tal-gvern li għandu madwaru li ġabu l-inkwiet b’idejhom.
Kuntrarjament għal dawk li jippruvaw isibu spjega għall-vjolenza bla sens li seħħet il-ġimgħa li għaddiet, jien ma nfittixx li nwaħħal it-tort għal dak li seħħ fuq dawk li ma naqbilx magħhom politikament. Tal-Labour qed igħidu li l-attakk seħħ għax ikkritikajna lill-Pulizija. Jien m’hux se ngħid li l-attakk seħħ tort tal-fatt li Lawrence Cutajar, Silvio Valletta u Ian Abdilla huma pupazzi f’idejn il-Labour. Ma ngħidx dan għax jidhirli li dak li seħħ, seħħ biss minħabba l-intenzjoni u l-azzjoni kriminali ta’ min wettaq id-delitt.
Li huwa diżgustanti huwa l-fatt li Joseph Muscat iqis attakk vjolenti fuq pulizija bħallikieku hu xi rebħa politika għalih. Jattendi għad-dimostrazzjoni u jitfa’ t-tweets u, minflok jestendi s-solidarjetà raġjonevoli mistennija minn prim ministru meta uffiċjal pubbliku jweġġa’ fuq ix-xogħol, juża l-attakk fuq persuna bħala arma biex isawwat lill-kritiċi tiegħu.
Il-folla fil-Belt #Valletta bla dubju turi li #Malta?? tinsab solidali mal- @MaltaPolice -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) Mejju 19, 2018
B’diskors bħal dan Muscat mhux qiegħed ifittex biss li jiżola u jimbarazza lil dawk li qed jikkritikaw lill-Pulizija. Iżda qed ifittex li jkabbar u jsaħħaħ il-kredibilità ta’ dawk il-membri korrotti tal-korp li qegħdin jgħattulu xturu u xtur il-klikka tiegħu. Ġaladarba Lawrence Cutajar ma jridx jinvestiga l-patafjun ta’ provi li hemm kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri, ikun politikament jaqbel għal Joseph Muscat jekk Lawrence Cutajar ma jiġix kritikat.
U biex isikktu lill-kritiċi ta’ Lawrence Cutajar x’mod aħjar hemm mill-intimidazzjoni permezz tal-użu tar-riżorsi kollha li l-istat għandu fix-xandir biex lill-protestanti ipinġuhom bħala l-kawża tal-attakk fuq il-pulizija?
Is-saħħa tar-retorika faxxista wieħed jista’ jsibha fis-simplifikazzjoni eżaġerata u fit-taħwid tal-kwistjonijiet. Teżisti xi kontradizzjoni jekk persuna waħda jidhrilha li Lawrence Cutajar qed jonqos minn dmirijietu u fl-istess waqt tkun tal-fehma l-pulizija li din il-ġimgħa kien il-vittma ta’ attakk brutali jistħoqqlu l-appoġġ u s-solidarjetà kollha li jeħtieġ?
Allura, ngħid jien, ġaladarba qed igħidulna li għandna nirrispettaw il-liġi, Konrad Mizzi u Keith Schembri il-għala qed igħadduha lixxa fuq ħasil tal-flus? Għandi nwaħħal fuq il-vittma għal din l-impunità kollha? U żgur li le. La issa u lanqas f’kull ħin ieħor meta dan kien qed jaqdi dmiru kif jaf hu.
Il-kuntistabbli huwa vittma ta’ delitt brutali u huwa wkoll eroj li qiegħed ħajtu fil-periklu fis-servizz tal-pajjiż. U, ħafna aktar mill-prim ministru, mill-president u minn dawk l-ipokriti kollha li llum marru jiddimostraw iżda li ma marru għal ebda dimostrazzjoni meta nqatlet vittma u eroj oħra li magħha nzertaw ma kellhomx grazzja, naf sew kif dawn il-vittmi u dawn l-eroj għandhom jintwerew kull rispett.
L-agħar hu li l-kuntistabbli ferut huwa wkoll vittma tal-istrumentalizzazzjoni faxxista tal-ġrieħi tiegħu u tal-kalvarju li għaddejja minnu familtu. Bħallikieku ma sofrewx biżżejjed.
Ir-ritratt meħud mir-rapport fuq timesofmalta.com.