Il-bieraħ Maria Efimova tkellmet f’konferenza tal-whistleblowers u ġiet intervistata mill-Euronews. Ara l-intervista hawn.
“Lil dawn in-nies, li jħossuhom tant b’saħħithom u li tant huma sinjuri li jidhrilhom li jistgħu jagħmlu li jridu, rrid nurihom li dan m’huwiex il-każ. Hemm Alla li qiegħed hemm biex jiġġuduikahom. Alla m’huwiex se jiġi hu stess fid-dinja biex jikkastiga li kull min jagħmel il-ħażin iżda jibgħat lill-qaddejja tiegħu biex jikkastigaw lil dawk li jiżbaljaw”.
Maria Efimova qalet li jekk il-każ imur il-Qorti, hi tkun lesta li terġa’ tixhed dwar l-iskandlu li allegatament huma mdaħħla fiħ dawk li kienu jimpjegawha għalkemm m’hix lesta li tagħmel dan f’Malta. “Jien lesta li nixhed iżda żgur mhux f’Malta. Jekk nirritorna lejn Malta, ħajti tkun fil-periklu kbir,” qalet lil dawk li attendew il-konferenza f’Ateni.
Nhar it-Tlieta Efimova u l-avukat Grieg tagħha qalu li l-mod kif imxew magħha l-awtoritajiet Maltin meta hi kienet xehdet l-ewwel darba juri li f’pajjiżna tal-Pilatus Bank għandhom min jaqlagħhom.
Għalkemm Efimova kienet ġiet assigurata li isimha ma kienx se jixxandar, l-għada li tkellmet mal-maġistrat isimha xxandar fil-ġurnali Maltin.
Skond l-avukat Alexandros Papastergiopoulos, tal-Pilatus Bank ftit wara akkużaw lil Efimova li kienet serqet mingħandhom ammont li tant hu insinjifikanti li xi ħaġa bħal din s-soltu ma twassalx għall-ħruġ ta’ taħrika Ewropea.
U meta uffiċjali tal-Pulizija Maltija kienu bgħatu għaliha biex jagħmlulha xi mistoqsijiet, Efimova qalet li dawn ippruvaw jintimidawha.
“Qaluli li se niġi kundannata għal ħames snin fil-ħabs u li, waqt li nkun hemm, joqtluni,” qalet l-omm ta’ żewġ ulied.
“Kien proprju hawn li ntbaħt li l-bank kellu saħħa kbira,” qalet Efimova.
Waqt l-interrogazzjoni il-Pulizija Maltija ppermettiet li jkunu preżenti xi managers tal-Pilatus Bank – ħaġa mhux tas-soltu”.
F’April kunsill magħmul minn Imħallfin Griegi iddeċieda li ma jippermettix l-estradizzjoni ta’ Efimova lejn Malta iżda l-każ issa jinsab quddiem il-Qorti Suprema.
Fl-14 ta’ Ġunju mistennija li tingħata deċiżjoni.
Wara li kienet ħarbet mill-gżira ta’ Kreta, f’Marzu Efimova ċediet f’idejn il-pulizija ta’ Ateni.
“Qatt ma kelli l-intenzjoni li nistaħba. M’għandix fuqhiex ikolli ndiema.”
Efimova ċaħdet akkużi tal-gvern Malti li hi spija Russa.