Din korruzzjoni wkoll.

Mhix korruzzjoni fis-sens ta’ tixħim. Iżda hi korruzzjoni li bis-saħħa tagħha jiġu mminati l-istituzzjonijiet, fejn il-kontrolli jinġiebu fix-xejn u fejn il-gvern tant ikun firex is-swaba tiegħu li wieħed kważi lanqas jibda’ jinduna.

Nhar it-Tnejn li għadda ma kienx biss b’kumbinazzjoni li d-Deputati tal-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg u Marthese Portelli ġibdu l-attenzjoni li Manuel Mallia, membru parlamentari li fil-Parlament għan-nom tal-gvern qam biex jagħmel skrutinju fuq ix-xogħol tiegħu stess bħala Chairman tal-Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol: din kienet azzjoni li minnha nnisifha tmur kontra l-iskop li għalih kienet tfasslet il-liġi li permezz tagħha nħolqot l-awtorità.

Li hu tal-iskantament hu l-fatt li wara li tkellmu Claudette Buttigieg u Marthese Portelli, ħadd ma tniffes. Tant aħna mdorrijin naraw lill-gvern iwettaq atti ħafna agħar minn dan, li ħaġa traġi-komika bħal din ftit huma dawk li jlissnu kelma dwarha. Il-livelli fil-pajjiż tant marru l-baħar li ħaġa bħal din tispiċċa tgħaddi mal-oħrajn.

Membru tal-Parlament qatt m’għandu jingħata kariga ta’ tmexxija f’awtorità regolatorja. X’aktarx li ħaġa bħal din titqies bħala ksur tal-Kostituzzjoni u ċertament hi wkoll azzjoni ta’ governanza ħażina. L-istituzzjonijiet għandhom dmirijiet differenti u, għallinqas fejn għandha x’taqsam l-approvazzjoni tal-finanzjament tal-awtorità, il-Parlament qiegħed hemm biex iwettaq xogħol ta’ skrutinju fuq l-Awtorità u għal dan il-fatt biss membru parlamentari li hu wkoll Chairman jsib ruħu f’pożizzjoni ta’ kunflitt ċar.

Membru Parlamentari fuq in-naħa tal-gvern m’għandu qatt jingħata l-inkarigu li jmexxi awtorità regolatorja li bil-liġi għandha l-poter u r-responsabbiltà li tissorvelja u, jekk ikun meħtieġ, li tissanzjona lill-gvern. Il-liġi tistabilixxi l-awtonomija u affarijiet bħal dawn jimminaw lil din l-awtonomija.

Meta ħatar lil Manuel Mallia f’dan ir-rwol, Joseph Muscat wera’ disprezz lejn l-intenzjoni ta’ min fassal il-liġi li jara li jinżamm kontroll sħiħ f’dik li hi amministrazzjoni pubblika.

U meta qam bil-wieqfa fil-Parlament biex jitkellem dwar l-Awtorità, Manuel Mallia wera’ disprezz lejn il-Parlament.

Dawn in-nies li huma mħallsa biex iħarsu lil ħajtek u lil saħħtek fuq il-post tax-xogħol għal ġieħna lanqas biss jindenjaw ruħħom iħarsu r-regoli tad-diċenza f’dik li hi amministrazzjoni pubblika.