Il-Kap Prosekutur Amerikan li qed imexxi l-każ kontra Ali Sadr li jinsab mixli b’numru ta’ akkużi fosthom frodi bankarja u ksur ta’ sanzjonijiet qal lill-Qorti Federali Amerikana li kull kapital jew sehem li Ali Sadr għad għandu fil-Bank Pilatus tilef kull dritt għalih għax il-bank twaqqaf bis-saħħa ta’ flus miksuba mill-kriminalità.

Din hija l-aktar stqarrija ċara li qatt saret s’issa minn aġenzija tal-infurzar tal-liġi u li mhux biss tikkonferma li l-Bank Pilatus kien għodda għall-ħasil tal-flus tal-klijenti tiegħu, imma anke li l-bank innifsu kien magna tal-ħasil tal-flus għal sidu li użah f’tentattiv biex jagħmel leġittimu dħul minn attivitajiet kriminali li issa jinsab mixli bihom fl-Istati Uniti.

L-Avukat Ġenerali qal li Ali Sadr uża 8 miljun dollaru Amerikan u 1 miljun frank Żvizzeru biex iwaqqaf il-Pilatus, liema flus qala’ minn proġett ta’ frodi bankarja fil-Venezwela li issa qed jiffaċċja akkużi fil-qrati dwaru.

L-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti qal dan meta kien qed iwieġeb lill-avukati ta’ Ali Sadr li ftit tal-jiem ilu offrew il-kapital li għandu Ali Sadr fil-Bank Pilatus bħala depożitu flimkien ma’ assi oħra li għandu bħala garanzija biex jingħata l-libertà proviżorja qabel ma jgħaddi ġuri.

Imma dan ma impressjonax lill-Kap Prosekutur li qed imexxi l-każ u li spjega kif l-appartament ta’ Ali Sadr fi New York, ir-razzett mimli siġar tal-Pistaċċi li għandu f’Kalifornja, u diversi proprjetajiet oħra f’isem ħbieb u membri tal-familja tiegħu li tpoġġew bħala garanzija biex hu ma jaħrabx mill-ġustizzja kollha tilef kull dritt li kellu fuqhom għax inkisbu bis-saħħa ta’ flus li kienu ġejjin mill-kriminalità.

Dan juri kif Ali Sadr kien responsabbli għal ħasil estensiv ta’ flus għalih innifsu u jikkonferma wkoll l-argument li uża l-istess kapaċitajiet biex jassisti klijenti fil-Bank Pilatus ħalli jagħmlu l-istess.

Il-Kap Prosekutur informa wkoll lill-Qorti Amerikana li Ċipru ffriża l-kontijiet bankarji ta’ Ali Sadr f’turija ċara li fil-konfront ta’ Sadr – li serva bħala l-bankier ta’ diversi dittaturi u anke taċ-chief of staff tal-Prim Ministru ta’ Malta – qed tittieħed azzjoni madwar id-dinja kollha.

L-Avukat Ġenerali talab lill-Qorti tikkonferma d-deċiżjoni li ħadet aktar kmieni u żżomm lil Ali Sadr taħt arrest sakemm jgħaddi ġuri.

Din l-aħbar, li skont il-Kap Prosekutur fl-Istati Uniti l-Bank Pilatus twaqqaf bi flus maħsulin li joriġinaw minn attivitajiet kriminali, tkompli tqajjem dubji kbar dwar il-kwalità tal-assessjar (due diligence) li sar fir-rigward ta’ Ali Sadr qabel u wara li ngħata l-liċenzja biex jiftaħ bank f’Malta.

Dan l-iżvilupp juri li l-provenjenza tal-flus li uża biex jiftaħ il-bank jew qatt ma ġiet verifikata kif suppost, jew inkella – agħar minn hekk – ġie injorat għalkollox il-fatt li l-fondi oriġinaw mill-kriminalità.

S’issa ħadd għadu ma ħa responsabbiltà għan-nuqqas ċar li kien hemm biex ikun żgurat li l-Bank Pilatus twaqqaf b’fondi li kienu ġejjin minn qligħ leġittimu. La kien hemm ħadd min-naħa tar-regolatur finanzjarju li assuma din ir-responsabbiltà, u wisq inqas kien hemm xi ħadd li ħa din ir-responsabbiltà min-naħa tal-aġenzija li l-istess MFSA qalet li qabbdet biex tmexxi l-eżerċizzju ta’ due diligence dwar Ali Sadr. Bl-istess mod ma ħa responsabbiltà ħadd mill-KPMG li kienet id-ditta ta’ awdituri li assistiet lill-Bank Pilatus waqt li dan kien qed jitwaqqaf f’Malta.