Waqt iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni tal-European Leadership Awards li saret illejla fi Brussell, il-Euronews u l-European Business Society ippreżentaw unur speċjali għall-Kontribut lis-Soċjetà lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan l-unur jippremja l-ħidma tagħha fil-qasam tal-ġurnaliżmu investigattiv.

 

Ulied Daphne Caruana Galizia, Matthew u Andrew, irċivew l-unur mingħand il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani.

“Huwa inaċċettabbli li ġurnalist jiġi assassinat fl-Ewropa,” qal Tajani, waqt li żied jgħid li l-UE hija “impenjata li tiddefendi l-libertà tal-istampa. Qatt m’aħna se ninsew lil Daphne u x-xogħol li għamlet,” kompla.

Andrew Caruana Galizia, viżibbilment emozzjonat, ikkundanna l-assassinju ta’ ommu li ddeskrivieh bħala “diżastru bla preċedent għal-libertà tal-ġurnalisti fl-Ewropa,” waqt li kompla jgħid li l-fatt li l-awtoritajiet fallew milli jsibu lil min kien il-moħħ wara dan il-qtil u jressquh quddiem il-ġustizzja juri kemm “l-istituzzjonijiet fl-Ewropa huma bla saħħa.”

Hu rringrazzja wkoll lill-European Leadership Awards talli qed “jipproteġu” l-wirt li ħalliet warajha ommu billi jonoraw il-ħidma tagħha.

Ara d-diskors ta’ Andrew Caruana Galizia hu u jirċievi dan l-unur hawnhekk inkella aqrah hawn taħt. Ibqa’ ċert li se jemozzjonak.