Issa għaddew seba’ xhur mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Deħlin għas-sajf. L-ebda waħda mill-ħafna vġili, protesti jew stejjer fil-midja internazzjonali u l-ebda wieħed mid-dokumentarji li saru ma wassal biex xi uffiċjal tal-gvern, imqar wieħed, jassumi xi tip ta’ responsabbiltà. L-ebda waħda mill-istejjer li ppubblikat Daphne Caruana Galizia u l-ebda investigazzjoni aktar fil-fond jew skoperta ġdida li saru mill-qtil tagħha ‘l hawn ma wasslu biex tittieħed xi tip ta’ azzjoni minn xi waħda mill-istituzzjonijiet li għandna f’pajjiżna.
Il-provi li l-mafja ppenetrat l-istituzzjonijiet tagħna u daħlet fl-ekonomija ta’ pajjiżna qanqlu biss reazzjonijiet ta’ inkredulità u indifferenza kbira. Quddiem l-element immorali ta’ simpatija li jidher li hemm bejn id-difiża ta’ dawk li allegatament tħallsu biex iwettqu l-assassinju u l-gvern jispikka silenzju li jtarrax.
Quddiem is-sens ta’ rabja u protesta li kkaratterizza għeluq is-sitt xhur mill-qtil, l-unika tweġiba kienet wirja ta’ appoġġ aktar b’saħħtu minn qatt qabel favur il-gvern, reazzjoni aktar b’saħħitha mill-online trolls, u ħajt ta’ reżistenza għoli aktar minn qatt qabel.
Li naqbżu s-sitt xhur b’idejna f’idejna huwa ta’ qsim il-qalb. Bis-sajf quddiemna, il-pajjiż jinsab ħerqan li jitfa’ dak li seħħ warajh, jaċċetta dak li ġara u jibda paġna ġdida. Ladarba xejn ma jidher li qed ikollu l-effett li jwassal lill-politiċi biex jerfgħu r-responsabbiltà, allura għalfejn tipprova?
Tipprova, għax kif dak li kien ħażin qabel Joseph Muscat reġa’ ġie elett baqa’ ħażin anke wara, hekk ukoll dak li kien xokkanti u inaċċettabbli dakinhar tas-16 ta’ Ottubru filgħaxija, jibqa’ l-istess illum.
Nhar l-Erbgħa 16 ta’ Mejju fis-19:30 ingħaqad magħna fi vġili għall-verità u l-ġustizzja quddiem il-Qorti. Għax jekk ma tagħmilx hekk, jaħsbu li se nħalluhielhom lixxa.