Joseph Muscat u l-klikka tiegħu qed jistaħbew wara l-inkjesti maġisterjali biex jassiguraw lid-dinja li l-allegazzjonijiet dwar reati kriminali li huma involuti fihom qed jiġu investigati u li jekk jinstab li saret xi ħaġa ħażina, jittieħdu l-passi meħtieġa. Din mhi xejn ħlief gidba.

F’Malta l-maġistrati ma jagħmlux xogħol il-pulizija. Mhumiex detectives. Ma jinvestigawx reati kriminali. U lanqas iressquhom quddiem il-ġustizzja.

Dawk li qed isegwu minn barra minn Malta jista’ jkun li jitfixklu t-terminu “Inkjesta Maġisterjali” mal-proċessi ġudizzjarji li jsiru f’postijiet bħall-Italja fejn il-maġistrati għandhom is-saħħa u r-responsabbiltà li jinvestigaw u jieħdu passi kontra min iwettaq reati kriminali. F’pajjiżna l-affarijiet ma jaħdmux b’dan il-mod.

F’Malta l-pulizija biss jistgħu jinvestigaw ir-reati kriminali. U l-Avukat Ġenerali biss għandu l-poter li jressaq il-Qorti lil min iwettaq reati bħal dawn.

Provi miġbura minn Maġistrati jistgħu jintużaw mill-pulizija jew mill-Avukat Ġenerali. Il-pariri tal-Maġistrat jistgħu jkunu utli. Imma l-Maġistrati m’għandhom l-ebda poter eżekuttiv biex jieħdu azzjoni huma stess abbażi ta’ dak li jiskopru.

L-inkjesti li nbdew riżultat tal-intervent ta’ Simon Busuttil ma jistgħux jissostitwixxu l-ħtieġa li l-pulizija tieħu azzjoni. L-azzjoni li ħa fil-qorti hija forma ta’ lment kontra l-falliment tal-pulizija li tieħu passi imma ħadd m’għandu l-poter li jimla l-vojt li qed iħalli n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-pulizija, jekk dan in-nuqqas ikompli.

Simon Busuttil għamel użu minn fakultà fil-kodiċi kriminali – li ddaħħlet fl-2002 u qatt ma ntużat qabel – li tagħti forma ta’ rikors lill kull ċittadin tal-pajjiż biex jisfida lill-pulizija fil-qrati talli ma jkunux ħadu azzjoni fuq reat kriminali li ċ-ċittadini jħossu li jkun seħħ u li jekk fil-fatt jinstab li verament seħħ jista’ jwassal għal piena ta’ mill-inqas tliet snin priġunerija.

Simon Busuttil sfida lill-pulizija talli ma investigawx dak li ħareġ mill-Panama Papers. Il-qorti qablet ma’ din l-isfida imma d-deċiżjoni finali f’din il-kawża għadha ma ngħatatx għax Joseph Muscat u l-klikka tiegħu personalment appellaw minn deċiżjoni tal-qorti li ordnat lill-pulizija biex tinvestigahom.

Ma nafx kif nista’ nkun aktar ċar: qatt ma kien hemm u ma hemm l-ebda investigazzjoni kriminali fuq dak li ħareġ mill-Panama Papers. Jgħidu x’jgħidu, u jippruvaw ibellgħuhielkom kemm jippruvaw ibellgħuhielkom, kull ġurnata li għaddiet minn meta faqqa’ dan l-iskandlu sentejn ilu kienet ġurnata ta’ impunità.

Huwa loġiku li biex jiddefendi lilu nnifsu l-artful dodger jgħid li l-ebda allegazzjoni li saret fil-konfront tiegħu ma ġiet ippruvata f’qorti. Din daqslikieku qed jgħid lil uliedu li r-raġel li hu tajjeb biex jiżżewwiġhom għad irid jitwieled, u jibgħathom ifittxuh!

Għad ma kellna l-ebda kundanna appuntu għax għadu ma tressaq ħadd il-qorti. U ma tressaq ħadd il-qorti għax ma saret l-ebda investigazzjoni.

Dak li tfisser verament il-kelma impunità.