Il-Gvern ta’ South Australia qed itejjeb il-liġijiet li jħarsu l-whistleblowers biex jipproteġi uffiċjali pubbliċi minn kull tip ta’ konsegwenza meta dawn jiddeċiedu li joħorġu informazzjoni li jkollhom fil-pubbliku jekk ma tkun ittieħdet l-ebda azzjoni wara li l-ewwel ikunu ressqu lment internament.

Jiġifieri, fi ftit kliem, jekk impjegat tal-istat ikun jaf b’xi ħaġa li tkun saret ħażin u wara li jsaffar is-suffara internament iħoss li ma tkunx ittieħdet l-azzjoni adegwata, dan ikollu kull dritt li jitkellem mal-ġurnalisti, b’mod li jista’ jiġi kkwotat, u jgħid lill-pubbliku dak li jkun jaf. Kulma jrid jagħmel hu li jistenna tliet xhur biex jagħti ċans lill-gvern jieħu azzjoni fuq l-ilment oriġinali li jkun ressaq. Meta jiskadu t-tliet xhur jista’ jitkellem pubblikament u jxandar l-informazzjoni li jkollu. U ma jistax jitkeċċa, jiġi kkastigat jew jinqabeż fi promozzjoni.

Il-liġi qed titressaq quddiem il-Parlament ta’ South Australia din il-ġimgħa. Dan ir-rapport f’The Advertiser fih id-dettalji kollha.

L-abbozz ta’ liġi mistenni li jikseb l-appoġġ tal-partiti kollha tal-Gvern u l-Oppożizzjoni fil-Parlament ta’ South Australia kif se jiġri wkoll fil-każ ta’ emenda għal-liġijiet tal-istampa li tagħti d-dritt lill-ġurnalisti li jżommu l-identità tal-informaturi tagħhom li jkunu whistleblowers kunfidenzjali jekk dan ikun fl-interess pubbliku.

Jekk qed taħseb li l-liġi tagħna f’Malta hi simili, allura ma ħaristx sew lejn l-eċċezzjonijiet. Il-liġi tal-istampa li għandna f’pajjiżna — anke l-verżjoni l-ġdida li huwa imminenti li tidħol fis-seħħ — tippermetti lill-ġurnalisti jipproteġu s-sorsi tagħhom u twaqqaf lill-qrati milli jġegħluhom jikxfu l-identità tagħhom. Sakemm…u hemm eċċezzjonijiet kbar: is-sigurtà nazzjonali, l-integrità territorjali, affarijiet bħal dawn. Imma hemm ukoll “il-protezzjoni tal-interessi tal-ġustizzja”.

Issa jekk whistleblower ikun kixef xi ħaġa li verament kien jistħoqqilha tinkixef, allura x’aktarx li jkun kixef xi ħaġa illegali. Imma jista’ jsir l-argument li biex jiġu mħarsa l-interessi tal-ġustizzja jkun meħtieġ li tinkixef l-identità tas-sors sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni fuq l-illegalità li tkun qed tiġi mikxufa.

Mhux normali li f’Malta l-ġurnalisti jinstabu ħatja ta’ disprezz fil-konfront tal-qorti għax jirrifjutaw li jikxfu s-sorsi tagħhom. Il-qrati jirrispettaw il-prinċipju li f’soċjetà demokratika l-ġurnalisti għandu jkollhom il-libertà li jipprovdu informazzjoni mingħajr ma jkollhom jesponu s-sorsi tagħhom għar-riskju li jpattuhielhom.

Imma l-esperjenza tas-sorsi nfushom, f’każi fejn dawn ġew identifikati jew għażlu li jikxfu l-identità tagħhom huma stess, ġenaralment tkun att frustranti fejn dak li jkun jispiċċa jagħmel il-ħsara lilu nnifsu għalxejn.

Ifhem, anke kieku kellna liġijiet li jipproteġu whistleblowers li jiddeċiedu li joħorġu fil-pubbliku, ftit li xejn jeżistu raġunijiet li jwassluk biex temmen li l-eżitu hawn Malta jkun differenti. Wara kollox, b’dak kollu li nafu llum fuq il-korruzzjoni li hemm 50 metru biss ‘il bogħod mill-iskrivanija tal-prim ministru, l-uniċi li batew il-konsegwenzi kienu l-ġurnalista li kixfet l-informazzjoni u s-sorsi tagħha.

Għall-korrotti nfushom li jissemmew f’dawn l-istejjer, kif jgħidu, l-aqwa żmien għadu ġej.