Meta l-mafja taħsel flusha f’kumpanniji Maltin taparsi tal-gaming u b’dan ma nindunawx, filwaqt li aħna nirċievu l-parċella tagħna, xi oħrajn jiddaħħlu f’ċirku ta’ lsiera jew ta’ teħid tad-droga jew inkella jispiċċaw jisparaw fuqhom u joqtluhom f’xi sqaq imwarrab.
Meta dak li jevadi t-taxxa dovuta lill-gvern tiegħu stess jaf jaħbi kollox taħt patafjun dokumenti dwar self u ruxxmata fatturi mbagħbsa u filwaqt li aħna nirċievu l-parċella tagħna, x’imkien ieħor jkun hemm min ma jistax jagħti edukazzjoni xierqa u kura medika lill-familja tiegħu.
Meta sinjurun barrani jakkwista passaport Malti biex ma jinqabadx hu u jaħbi flusu mill-gvern ta’ pajjiżu, filwaqt li aħna nirċievu l-parċella tagħna, ikun qed jitfaqqar poplu sħiħ.
Eżatt bħalma jagħmlu l-avukati u l-accountants ta’ xi kapurjun tal-mafja, nittantaw nifirdu xogħolna u d-dħul tagħna mid-demm li jispiċċaw ixerrdu dawk li jkunu temgħuna.
Illum The Guardian tirreferi għal dak li għandu jkun ovvju iżda li fil-fatt m’huwiex għaliex nagħżlu li ndawwru wiċċna lejn in-naħa l-oħra biex taparsi ma nindunaw b’xejn. Dan ir-rapport isegwi dak li nkixef mill-IRPI il-ġimgħa li għaddiet dwar in-negozju li qed iseħħ b’żejt Libjan misruq taħt imneħirna stess u dwar ir-reazzjoni patetika tal-hekk imsejjħa awtoritajiet Maltin li “ma kienu jafu b’xejn”.
Meta ninjoraw in-negozju llegali li qed iseħħ fuq żejt misruq mill-milizzji fil-Libja, filwaqt li aħna nirċievu l-parċella tagħna inkunu qed nintensifikaw it-tbatija tal-poplu Libjan li bħalissa jinsab jgħix f’nofs gwerra ċivili mdemmija.
Il-Libja dejjem ikkunsidrajniha bħala l-bitħa ta’ wara tagħna. Bħalma għamlu band’oħra kolonizzaturi tas-seklu dsatax, sirna ħbieb qaqoċċa mal-mexxejja lokali tal-pajjiż, xaħħamna lil dawk li għamilnihom sħab magħna, kkolonizzajna lill-pajjiż fi żminijiet ta’ paċi u lura f’artna konna nitħaddtu b’sens ta’ superjorità razzjali dwar l-isfruttament tal-pajjiż daqslikieku dan sar għall-ġid tal-poplu ta’ hemmhekk.
Hawn qiegħed niġġeneralizza fid-deskrizzjoni tiegħi tal-kolonjaliżmu. Mhux kull negozjant Malti kellu jxaħħam biex ikampa fil-Libja. Mhux kollha ħassew sens ta’ superjorità razzjali. Iżda naħseb li lkoll għandhom jammettu li l-ħidma tagħhom f’dak il-pajjiż kellha bixra pjuttost kolonjali.
Meta tneħħa r-reġim ta’ Gaddafi, dan kollu spiċċa. Iżda għadhom jeżistu negozjanti li qed isiru għonja bis-saħħa tal-gwerer.
Il-gwerra ċivili fi Sjerra Leone kienet ġiet iffinanzjata minn negozjanti tad-djamanti f’Londra u Antwerp u bosta kienu dawk li kienu lesti jinjoraw il-fatt li l-milizzji f’dak il-pajjiż kienu qed iġiegħlu lin-nies jaħdmu bħal lsiera biex iħaffru għad-djamanti u biex imbagħad dawn jinbiegħu b’riżq il-finanzjament tal-gwerra.
Ir-ribelli fil-Kongo jagħmlu wkoll l-istess ħaġa bid-deheb u bil-ħaġar prezzjuż li jżejjen lill-ġojjelli jew anke l-mobile tiegħek, huma u jibgħatu mijiet ta’ tfal għall-gwerra bl-azzarini f’idejhom.
Meta l-milizzji jisirqu ż-żejt Libjan biex jinnegozjawh fl-Ewropa bil-għajnuna ta’ kuntrabandisti u frodisti Maltin, jagħmlu dan biex ikunu jistgħu jiffinanzjaw il-kontinwazzjoni tal-gwerra. U meta l-awtoritajiet Maltin, tkun xi tkun ir-raġuni – inkompetenza, indifferenza, kompliċita – jagħlqu għajn waħda u ma jagħmlu xejn biex jitwaqqaf dan kollu, ikunu qed ikomplu jżidu mat-tbatijiet tal-poplu Libjan.
Dawk li bħali jidhrilhom li dak li għadni kif semmejt hu ta’ min jistmerru u ta’ min jikkundannah, qed jiġu msejjħa “elitisti” u qaddisin. Il-bieraħ Robert Musumeci sejjaħ lil min qed jipprotesta bħala “bigotti li jaħsbu li huma l-magħżula tal-Ispirtu s-Santu. Dawk li jippretendu li huma biss qegħdin fis-sewwa u kulħadd hemm barra huwa żibel”.
@Manwel_Delia l-elitisti li jrid jizgombra min-nofs @adriandeliapn huma dawk il-bigotti li jahsbu li huma l-maghzula ta’ l-ispirtu s-Santu. Dawk li jippretendu li huma biss qeghdin fis-sewwa u kulhadd hemm barra huwa zibel.
— Robert Musumeci (@ROB_MUSUMECI) May 8, 2018
Jista’ jkun ukoll. M’inix daqshekk ċert li l-Ispirtu s-Santu se jagħżel lil min hu ateju biex imexxi lill-fidili, iżda ma tistax tgħid għax it-triq tal-Mulej ftit huma dawk li jifhmuha. Iżda nista’ nserraħ ras Robert Musumeci li din mhix ħaġa li nemmen fiha. Iżda nemmen b’ħerqa li hu ta’ min jikkundanna u jistmerr il-fatt li ma twaqqafx in-negozju f’żejt Libjan misruq li qed iservi biex jiffinanzja l-gwerra ċivili f’dak il-pajjiż.
Jeħtieġ li nagħmlu xi ħaġa biex dan kollu jieqaf ħesrem.