Mingħajr ma verament riedet tagħmel dan The Malta Independent ikkritikat lil TVM u lill-mezzi l-oħra tax-xandir li jaqgħu taħtu talli lit-telespettaturi tagħha jipprovaw iqarrquhom meta jaħbu jew inaqqsu l-importanza ta’ stejjer li jimbarazzaw lill-gvern. Il-ġurnal għamel riferenza speċifika għal stejjer imxandra fl-istampa internazzjonali li komplew fejn ħalliet Daphne Caruana Galizia bl-istejjer investigattivi tagħha. Meta jipprova jostor dawn l-istejjer, TVM ikun qed jirrepeti l-linja tal-gvern li dawn l-istejjer ma ħarġu xejn ġdid.

Ktibt “mingħajr ma verament riedet” għaliex The Malta Independent ma tiħux pjaċir tikkritika ġurnalisti oħra li jaħdmu fix-xandir. U hekk għandu jkun. Kien hemm bosta okkażjonijiet fejn ġurnalisti ikkompetew ma’ xulxin u fl-istess waqt spiċċaw dgħajjfu il-ħila tagħhom li jsibu tarf tal-kobob imħabbla li jkollhom quddiemhom.

Hemm min jaħseb li l-veri perċimes hawn m’humiex il-ġurnalisti iżda l-imgħallmin tagħhom.

Min jaħseb hekk aħjar jerġa’ jaħsibha sew.

The Malta Independent kitbet li TVM sar ifakkarna fix-xandir ta’ wara l-purtiera tal-ħadid fit-tmeninijiet. Li kieku llum m’għandniex is-Super One and n-NET bħala stazzjonijiet alternattivi (u b’daqshekk?) l-aħbarijiet tat-televiżjoni kienu jkunu dominati esklussivament mill-aġenda tal-gvern. Jien ngħid li, kif inhuma sejrin l-affarijiet, l-aġenda tal-gvern xorta waħda għandha s-sopravvent.

L-editorjal igħid li ninsabu pass ‘il bogħod mir-Run Rabbit Run. Dawk li jgħoddu fuq il-45 jafu x’irrid infisser. Dawn jiftakru l-ġurnata tat-13 ta’ Diċembru 1981 meta stennew bil-ħerqa li tixxandar l-aħbar tat-tmiem tar-reġim Laburista hekk kif beda’ jidher ċar li Eddie Fenech Adami kien għeleb lil Mintoff b’maġġoranza assoluta ta’ voti.

Dak il-lejl fis-siegħat bikrin, Xandir Malta – entità mħallsa mit-taxxi tal-poplu kif kien magħruf TVM dak iż-żmien – kien xandar bran ta’ kanzunetta mmirat biex jinsulta lil dawk li t-tamiet tagħhom spiċċaw ġew fix-xejn minħabba t-tbagħbis fid-distretti elettorali.

Pass ‘il bogħod?

Hawn hi r-risposta tal-ġurnalista ta’ TVM Melvic Zammit, persuna li – jekk jogħġobkom taħfruli l-elitiżmu tiegħi – ismu jfakkarni f’dawk id-djar li jissemmew b’ismijiet li jġiegħluna naqtgħu l-ismijiet tas-sidien tagħhom, u li bl-għemil tiegħu njora l-kodiċi tal-etika li tobbligah iżomm ‘il bogħod mill-kontroversja politika bil-għan li tinżamm l-imparzjalità  u l-professjonalità meħtieġa minn ġurnalist fix-xandir pubbliku.

M’aħniex pass il-bogħod mir-Run Rabbit Run. Ninsabu b’ruħna u ġisimna nħokku magħha.