Hekk kif Keith Schembri ħareġ bi skuża patetika oħra biex jipprova jiġġustifika l-ftuħ tal-kontijiet bankarji barra ‘l pajjiż smajna li l-investigaturi Maltin kienu diġà ssuspettaw li kien ser joħroġ b’din l-iskuża immontata.

Il-bieraħ Keith Schembri qal li huwa kien ħoloq l-istruttura tiegħu fil-British Virgin Islands madwar sena qabel il-ħatra pubblika tiegħu mal-prim ministru u li għalhekk dawn huma affarijiet personali li jikkonċernaw in-negozju tiegħu. B’dak li stqarr il-bieraħ bħal donnu ried igħid li bħala ċittadin privat kien qed jevadi l-ħlas tat-taxxi u li, ġaladarba qed ngħixu f’dinja ġdida fejn il-moralità qlibniha ta’ taħt fuq, ma kien ġara’ xejn b’daqshekk. Qisu ried igħid li speċi ta’ ma setax kien qed jaħsel il-flus ġejjin mit-tixħim għax kien għadu ma ngħatax il-ħatra li għandu llum.

Iżda hija ċara u tonda li sa sena jew sentejn qabel inħatar bħala ċ-chief of staff tal-prim ministru diġà kellu pożizzjoni politika influwenti. F’Marzu 2013 Keith Schembri ma waqax għall-għarrieda mis-sema għal ġol bitħa ta’ Kastilja. Kien il-moħħ wara r-rebħa tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ta’ dik is-sena u wara l-elevazzjoni politika ta’ Joseph Muscat. Kif kien qalilna Anġlu Farrugia, Keith Schembri kien ikkakkma ruħu fir-“raba’ sular” taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista biex jilqa’ lil dawk kollha li għamlu d-donazzjonijiet lill-partit u biex jissiġilla l-famuża roadmap tal-Labour.

Hu biss jaf dak iż-żmien x’kien qed iħawwad fil-borma.

Iżda apparti dan kollu, issa sirna nafu li l-accountants ta’ Mossack Fonseca ma kellhom ebda skrupli li jbagħbsu bid-dati fuq dokumenti wara talbiet tal-klienti tagħhom. Din l-aħbar xandarha Neil Chinoweth tal-Australian Financial Review li kiteb li, meta ħareġ fil-beraħ l-iskandlu tal-Panama Papers, investigaturi tal-FIAU f’Malta kienu tal-fehma li Konrad Mizzi kien ta struzzjonijiet lill-accountants tiegħu fi New Zealand biex ibagħbsu bid-dati f’dokumenti marbutin mat-trust li kellu f’dak il-pajjiż.

Allura filwaqt li Konrad Mizzi kien qed jakkuża lil Daphne Caruana Galizia li kienet qed tigdeb dwaru u lill-ICIJ b’riċiklar tal-istejjer tagħha – stejjer li għadu sal-lum jinsisti li kien wieġeb għalihom b’onestà u trasparenza – kien qed jagħti struzzjonijiet lill-accountants tiegħu f’New Zealand biex jgħattulu xturu.

Il-ħasil ta’ flus maħmuġin huwa reat kriminali li mhux diffiċli li xxommu iżda li m’huwiex faċli li tippruvah. Dan ir-reat kriminali jserraħ ħafna fuq il-manipular ta’ dokumenti li jistgħu jitbagħbsu, jinqerdu jew jiddaħħlu f’xi bagoll fi triqithom lejn Baku fis-satra tal-lejl.

Din hija r-raġuni għaliex il-Klikka tal-Panama mmexxija minn Joseph Muscat għandha rasha mistrieħa li jekk jirnexxielha tħawwad moħħ in-nies billi tħallat ir-responsabbiltà politika mal-produzzjoni ta’ provi forensiċi, tista’ tkompli tgħaddiha lixxa.

Kulma għandhom jagħmlu hu li jkomplu joħolqu d-dubji. Ifakkruni f’dak li kien jgħid lil martu René Artois ta’ ‘Allo ‘Allo kull darba li kienet taqbdu jittanta lill-cocktail waitresses. “You stupid woman!”