Is-Cyprus Media Complaints Commission iddeċidiet dwar ilment dwar rappurtaġġ fl-istampa ta’ Ċipru, b’mod speċjali dwar rapport f’Reporter li xandar allegazzjonijiet foloz dwar Maria Efimova li mbagħad ġew ripetuti f’Malta f’sensiela ta’ Facebook posts minn Brian Hansford, preżentatur ta’ TVM.

Il-Kummissjoni “ikkonkludiet li jekk wieħed jaqra’ t-test sħiħ tal-artiklu mxandar f’Reporter jidher ċar li dan inkiteb b’mod partiġġjan u mmirat biex jattakka personalment lil Maria Efimova biex jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tagħha u konsegwentement biex jipprova jxejjen l-allegazzjonijiet li saru dwar il-Prim Ministru ta’ Malta fl-iskandlu tal-Panama Papers.

“Dan l-aġir imur kontra l-Kodiċi tal-Etika Ġurnalistika li jipprovdi għar-rispett lejn id-dritt taċ-ċittadin għall-objettività u għall-informazzjoni sħiħa u valida kif ukoll u jmur ukoll kontra r-regolament li ma jippermettix id-diskriminazzjoni, tkun xi tkun ir-raġuni.”

Il-Media Complaints Commissioner iddeċieda li r-rappurtaġġ fl-istampa ta’ Ċipru kien wieħed “qarrieqi”, “mhux verifikat”, “partiġġjan”, “partiġġjan bil-miftuħ kontra Efimova”, “xela’ lil Efimova b’reati minkejja nuqqas ta’ deċiżjoni mill-qorti” u “kixef informazzjoni personali” dwar żewġ u wlied Efimova.

Is-Cyprus Media Complaints Commission investigat ir-rappurtaġġ dwar Maria Efimova fl-istampa Ċiprijotta wara lment li sar mill-ġurnalista tas-Cyprus Business Mail Stelios Orphanides.