Twissija. Din li ġejja waħda twila sew. M’għandekx għalfejn tgħidli. Naf, għax jien ktibtha. Jekk għandek ftit ħin, ibda aqra.
Il-karattru insidjuż tal-poter li ħakem lil Malta faċli jiġi sottovalutat. Kien hemm min ħareġ b’paraguni mal-faxxiżmu ta’ qabel il-gwerra, u dawn mhumiex bla bażi. Iżda jekk tqabbel mal-għodda li r-reġim ta’ Joseph Muscat għandu għad-dispożizzjoni tiegħu, l-għodda li kellhom il-faxxisti kienu primittivi u ta’ nofs kedda.
Bis-saħħa tal-applikazzjoni tat-teknoloġija u tal-psikoloġija kollettiva kontemporanja biex wieħed jimmanipula l-imħuħ, il-faxxisti ta’ żminijietna għandhom il-mezzi kollha biex ma jħammġux idejhom. Wara l-attentat ta’ kolp ta’ stat fl-1923 fil-Ġermanja, in-Nażisti kienu ntebħu li f’pajjiż fejn titħaddem id-demokrazija diffiċli ħafna li wieħed jieħu l-poter. Irrealizzaw li biex jaħtfu l-poter kien jeħtieġ li jikkompetu fl-ambitu demokratiku, jużaw kull mezz neċessarju biex jagħġnu d-demokrazija favurihom, inawru d-demokrazija minn ġewwa u jikkonvinċu lill-mases, li l-partit ikkunsidra bi stmerrija totali, li r-rieda tagħhom u r-rieda tal-mexxej kienu ħaġa waħda.
Il-punt li wasal fih Joseph Muscat kien jeħtieġ snin twal ta’ tħejjija u beda ferm qabel daħal fix-xena politika. Mil-lat kulturali, sab ambjent li seta’ jservi għall-iskopijiet tiegħu. B’differenza minn demokraziji oħra stabbli u sofistikati, it-tradizzjoni demokratika ta’ Malta hi waħda kolonjali u bla struttura. Dan kien sinjifikanti l-aktar mhux għaliex id-demokrazija għadha żgħira imma l-mod kif ingħatat minn fuq u ttieħdet lura kull meta min imexxi ħass li ma kienx jaqbillu.
Id-demokrazija Maltija mhux il-Maltin bnewha. L-Ingliżi kienu “tawhielna” f’tentattiv biex tiddgħajjef l-għajta ta’ dawk f’Malta li riedu jifirduna mill-Imperu. U meta tawhielna, ma skruplaw xejn meta kemm il-darba dehrilhom li għandhom jeħduha lura kif u meta kien jogħġobhom.
Fil-ħsieb inkonxju kollettiv tagħna, id-drittijiet u d-demokrazija ma jeżistux ħaġa waħda mal-istatus tagħna ta’ ċittadini. Inqisuhom rigal minn fuq, bħall-manna mis-sema. Mistenni minna nkunu rikonoxxenti kull meta jagħtuhielna, u nbaxxu rasna kull meta l-allat jidhrilhom li għandhom jeħduhielna.
F’dan ix-xenarju kulturali, Joseph Muscat sab ukoll lil min kien lest jadurah qisu eroj. Is-sistema politika tagħna tiffoka ħafna fuq il-personalità tal-mexxejja. M’hemmx dubju li għad-demagoġija ftit kienu jinqalgħu daqs Dom Mintoff. Imma meta l-Partit Nazzjonalista qabillu jinvesti fil-vantaġġ tal-attrazzjoni tal-Kap tiegħu meta mqabbel mal-avversarju, il-PN ma qagħadx lura milli jippersonifika l-politika tiegħu. Kienet għal din ir-raġuni li Eddie Fenech Adami kiseb maġġoranzi meta rebaħ lil Dom Mintoff fl-1981, lil Karmenu Mifsud Bonnici fl-1987 u fl-1992 u lil Alfred Sant fl-1998 u fl-2003. Din kienet ukoll ir-raġuni għaliex Lawrence Gonzi rebaħ lil Alfred Sant fl-2008.
M’hemm ebda dubju allura li għaż-żewġ partiti l-investiment enormi fil-personalità tal-mexxej huma metodu aċċettat bil-kbir fuq iż-żewġ naħat.
Iżda huwa impossibbli li wieħed jifred dan l-iffokar fuq il-persuna tal-mexxej mill-kult tal-personalità li kellu Dom Mintoff. Bis-saħħa ta’ dan il-kult u tal-partitarji devotissimi, li wħud minnhom b’venerazzjoni kbira kienu saħansitra jdendlu ritratti tal-Perit biswit santi tal-Madonna, Dom Mintoff seta’ jġib ruħu b’mod atroċi b’impunità kbira. Kien jgħid li kien lest li jarma lin-nies tiegħu biex ikisser lill-avversarju fost iċ-ċapċip u l-approvazzjoni tal-partitarji tiegħu. Seta’ jitfa’ t-tfal tal-iskola ‘l barra mill-klassi, seta’ jeżilja ġenerazzjoni sħiħa ta’ tobba, seta’ jxewwex il-manigoldi biex jaħarqu bini ta’ ġurnal u jkissru d-dar tal-Kap tal-Oppożizzjoni bi wliedu mwerwrin ġewwa. Seta’ jifred lil Malta mill-Punent u jikkonvertiha f’sentinella għal-Libja ta’ Gaddafi. Seta’ jipprojbixxi kull forma ta’ komunikazzjoni sofistikata u li jibgħat xandara dissidenti fl-eżilju.
Seta’ jgħattilhom il-korruzzjoni, il-vjolenza politika, ir-rimi ta’ katavri ta’ xhieda u l-qtil ta’ nies innoċenti, kollox taħt imnieħer il-Pulizija.
Wieħed ma jistax jaqbad u jiskuża u jaħfer din l-imġiba kif ġieb u leħaq bħallikieku kienet biss xi difett fil-karattru ta’ xi eroj tal-klassi tal-ħaddiema. L-imġiba ssir ħaġa waħda mal-bniedem u l-bniedem jippersonifika l-moralità l-ġdida. Il-partit, il-gvern u l-Istat jiġu ppersonifikati fi bniedem wieħed. Tabilħaqq ein Volk, eine Partei, ein Führer.
L-esklużività morali tal-poter issib is-sisien tagħha fl-assimilazzjoni tal-mezzi kollha tal-poter. In-nuqqas ta’ qbil mal-mexxej, mal-partit jew mal-gvern, huma meqjusa minnhom bħala tradiment tal-Istat u tal-poplu. Għalihom id-dissens jew in-nuqqas ta’ qbil minn naħa ta’ oppożizzjoni demokratika mhumiex biss inkonvenjenza. Jitqiesu bħala tradiment li jkun jeħtieġ jiġi eliminat. Hekk jirraġunaw dawk li jqisu lilhom infushom bħala l-werrieta ta’ Dom Mintoff. Karmenu Mifsud Bonnici pprova mingħajr suċċess ikompli fejn kien ħalla Mintoff.
Min-naħa tiegħu, Alfred Sant ittanta jaqbad triq oħra u daħħal attitudni aktar razzjonali. Mhux għax Sant kellu xi ambizzjoni li jkun ġust, iżda ma setax jittollera l-vjolenza fiżika u pprova jitbiegħed minnha. Minflok għamel użu sħiħ mill-mezzi tax-xandir tal-partit biex sistematikament ixandar il-qerq u l-gideb sfaċċat. Mhux minnu li kull ma kien jgħid Sant kien gideb. Uħud mix-xiljiet li kien jagħmel dwar korruzzjoni fil-konfront tal-PN kienu bbażati fuq fatti u, ffaċċjat bi kritika leġittima, il-PN mhux dejjem kien pront jaġixxi fil-ħin.
Iżda l-Alfred Sant ta’ wara l-1998 ma kienx l-istess Alfred Sant ta’ qabel l-1996. Huwa veru li l-elementi vjolenti baqgħu taħt kontroll strett. Iżda meta huwa ttanta jimmina l-istituzzjonijiet li kienu qed jippruvaw isibu tarf tal-ewwel assassinju ppjanat li qatt kien hawn f’Malta, ġab ruħu bl-oppost ta’ kif kien wiegħed li jġib ruħu meta kien ħa r-riedni tal-partit. Eżatt bħaż-żewġ mexxejja Laburisti ta’ qablu, wera disprezz sħiħ lejn l-istituzzjonijiet kostituzzjonali u użahom bħala armi biex isalva r-reputazzjoni politika tiegħu. Għalih kollox kien jgħaddi u kollox kien leċtu b’riżq is-salvazzjoni tal-ġilda politika tiegħu. U Joseph Muscat għamel l-apprendistat politiku tiegħu f’dan l-ambjent.
Dan ma jfissirx li Joseph Muscat ma tax is-sehem tiegħu. Xejn minn dan. Muscat mhux biss wera li jinqala’ ħafna fit-tħaddim tal-komunikazzjoni online, iżda wera wkoll li jinqala’ bħala xandar u dan apparti l-fatt li beda jrabbi ċerta kariżma. U l-forza tal-personalità tiegħu — ħaġa li taffaxxinak din għax l-apparenza fiżika tiegħu fil-fatt hi waħda li ma tgħid xejn — malajr evokat memorja fl-imħuħ tan-nies, memorja li għaddiet minn fuq l-irjus ta’ Karmenu u ta’ Sant sa ma reġgħet fakkrithom fil-kobor ta’ Mintoff.
Bla dubju dak li Muscat fehem sew kien li l-imġiba tiegħu fil-politika ma kinitx se tkun imxekkla minn xi gwida morali iżda kienet se tkun taqtigħa bla ħniena u bla kompromessi għall-poter. Għaliex il-kilba għall-poter ma tagħraf ebda limitu għall-kilba tagħha u tfittex biss li tirbaħ kollox. Kilba li tfittex li dejjem tikber, kilba li tfittex li tiddomina dejjem aktar, kilba li tfittex li dejjem tirbaħ. U biex dan iseħħ Joseph Muscat kellu jerġa’ jwaħħad lilu nnifsu mal-gvern tiegħu, mal-partit tiegħu, ma’ pajjiżu u mal-Istat li tiegħu suppost huwa l-qaddej. Dawn l-identitajiet kollha jidħlu waħda fl-oħra u jsiru Joseph.
Allura x’inhi r-raġuni li ħaddieħor jitnaffar milli jadotta din il-metodoloġija politika? Jista’ jkun li hemm min qed jitħajjar jadottaha. Lil Adrian Delia ma tistax tixlieh li qed jittanta jaqbad din it-triq. Is-segwaċi tal-partit tiegħu huma tali li xejn ma jimpressjonaw ruħhom b’dawn il-pantomimi. Ħafna partitarji tal-PN ma jurux l-appoġġ tagħhom bil-miftuħ u kien biss meta Eddie Fenech Adami kien għoddu wasal biex jirtira, wara li damm kullana ta’ suċċessi fuq medda ta’ 30 sena, li ġie aċċettat u mfakkar bħala l-eroj li fil-fatt hu.
Persuni tal-età tiegħi jew xi ftit iżgħar minni li jiftakru sew it-tieni parti — ħafna aktar mill-ewwel parti — tal-karriera politika ta’ Eddie Fenech Adami jaħsbu li d-dixxiplina fil-partit u l-appoġġ bla riservi lill-kap huma xi ħaġa minn ewl id-dinja għal kap tal-PN. Din mhix ir-realtà. L-appoġġ bla riservi u l-lealtà indiskussa Eddie Fenech Adami kien akkwistahom — wara ħafna taħbit u inkwiet — b’riħet ir-rekord ta’ suċċessi personali li kiseb u b’riħet ukoll l-għerf politiku li kellu.
Għaldaqstant, minkejja l-fatt li Malta kollha kienet daqet l-esperjenza kolonjali ta’ inkejja minn naħa tal-ħakkiema meta dawn kienu jċaħħdu d-drittijiet kull meta kien ifettlilhom, huma fil-fatt il-partitarji Laburisti li għollew il-qima lejn il-mexxej b’saħħtu għal-livell ta’ reliġjon. Għalkemm iż-żewġ partiti t-tnejn huma armati bi stazzjonijiet tat-televiżjoni li huma użati fuq livelli differenti ta’ diżonestà għall-iskopijiet tal-propaganda tagħhom, huwa l-istazzjon tal-Partit Laburista li għandu armata ta’ segwaċi li huma dejjem lesti jwarrbu l-fatti sagrosanti u jibilgħu il-gideb li jbellgħulhom. L-iswed jibqgħu jemmnu li hu abjad għax hekk stqarr il-mexxej.
Iż-żewġ partiti qegħdin jinqdew b’numru ta’ trolls bil-għan mhux biss li d-dibattiti li jsiru online jiġu trivjalizzati b’tgħajjir, tmaqdir u insulti iżda wkoll biex isikktu u anki joqtlu. Iżda m’hemmx dubju li l-Partit Laburista u l-mezzi tax-xandir tiegħu rnexxielhom jiġbru trolls li jisbqu fin-numru u fil-qawwa dawk tal-PN. U għalhekk f’moħħ il-partitarji Laburisti l-poter u dak kollu li hu sewwa, jinsab imwaħħad fil-persuna ta’ Joseph Muscat li, fil-perċezzjoni tagħhom, jinsab fiċ-ċentru ta’ ċrieki konċentriċi ta’ daqs differenti. Iċ-ċirklu ta’ ġewwa tal-kotra kompost esklussivament minn segwaċi lealissimi lejn il-mexxej li baqgħu leali minkejja l-kritika u l-gideb ġejjin minn barra ċ-ċirklu. U ċ-ċirklu minoritarju ta’ barra kompost minn dawk li għażlu li ma jqimux il-kobor tal-mexxej iżda li, bħala barranin, regolarment jattakkaw il-ħitan ta’ Ġerusalemm il-Ġdida ta’ Joseph b’gideb u xiljiet foloz.
Din mhi xejn ħlief mentalità tal-assedju konvenzjonali iżda bil-maqlub. Min iħoss li qiegħed taħt il-qilla ta’ assedju normalment ikun parti minn minoranza li tkun inqatgħet mill-bqija tad-dinja mill-attakki tal-kotra ta’ madwarhom. Hawn Malta qed jiġri bil-kontra minħabba l-mentalità kulturali tal-Maltin. Fl-imħuħ tas-segwaċi ta’ Joseph, dawk li jagħżlu li jibqgħu barra miċ-ċirku huma bħal dawk li jqimu lix-xitan. U x-xitan ma jistrieħ qatt, kif ġew mgħallma l-fidili tal-Knisja tul is-snin, u jgħix f’dawk li ma jattendux il-knisja. Armati b’din il-mentalità, mhux diffiċli li l-kotra tinħakem minn paranoja ferventi u minn mibegħda lejn l-oħrajn frott il-preġudizzji.
Ġieli niġu mwissija li x-xitan kapaċi jsaħħarna bi kliemu, b’raġunar fin u bi kliem mimli tolleranza. Dan ma jagħmel xejn ħlief iderri lin-nies biex taqta’ barra kull raġunar anki qabel dan jitlissen u biex twarrab kull spjegazzjoni onesta — mhux għax tkun spjegazzjoni qarrieqa — iżda għax ma tkunx ġejja mill-oraklu tal-altar ta’ ġewwa u allura minn fomm il-Mexxej u dawk ta’ madwaru. Artikli jew fehmiet ġejjin minn barra l-ambjent Laburista kważi qatt ma jiġu mwieġba b’argumenti solidi jew bi ħsieb razzjonali. Kważi dejjem jiġu mwieġba b’risposti sajmin mil-loġika jew b’insulti u tgħajjir. Din tal-insulti fiha u ma fihiex. Jistgħu jiġu mwieġba permezz ta’ insulti reċiproċi u l-ħajja tibqa’ għaddejja. L-insulti huma realtà tal-ħajja.
Iżda bħalma jaf sew kull min għadda minn xi relazzjoni li kienet qed tfalli, jeżisti tilwim li jinsab fuq skala totalment differenti. Li għalkemm jista’ ma jkunx hemm vjolenza fiżika u ħafna għajjat, hemm min ilissen diskors li jkun immirat biex ikisser u mhux biex isewwi, biex jifred u mhux biex jgħaqqad, biex iweġġa’ u mhux biex jispjega. Hawn Malta mhux inkejja ċajtiera dwar minn ġabar l-akbar numru ta’ nies għall-meeting għandna; m’għandniex inbix moderat dwar politiċi miż-żewġ naħat; lanqas m’għandna ċ-ċiniżmu tradizzjonali dirett lejn il-politiċi li tistenna f’demokrazija normali.
Ħlief għal dawk li huma indifferenti jew newtrali għal dak kollu li jiġri madwarhom, il-politika kif imħaddma f’Malta tista’ tweġġa’ u tkorri lil dawk li jidħlu għaliha bi skop ġenwin u ta’ servizz lill-komunità. Għalkemm m’għadniex naraw vjolenza fiżika, l-inbix, it-tgħajjir fit-toroq, il-ħsara lill-proprjeta’ personali, it-theddid u l-vjolenza verbali li qed tiġi użata huma lkoll intiżi biex jintimidaw lit-“tradituri” li tbiegħdu mill-qima lejn il-kbir Mexxej.
Fi ħdan komunità żgħira ta’ nies li — għall-inqas f’sens kulturali — jgħixu f’soċjetà mingħajr klassijiet soċjali, id-djalogu mhux suppost ikun nieqes. Hawn Malta, b’kuntrast għal dak li jiġri fl-Indja, in-nies pjuttost jieklu l-istess ikel. B’kuntrast mal-Ingliżi, l-aċċenti fil-lingwa mhumiex marbutin mar-razza u r-radika. B’kuntrast man-Niġerjani, m’aħniex maqsuma skont ir-reliġjon li nħaddnu. B’kuntrast mal-Belġjani, għandna l-lingwi tagħna. M’għandniex xi ngħidu, hemm ukoll xi differenzi iżda dawn huma l-isterjotipi li ma jagħtux stampa realistika tal-ħajja fil-komunità tagħna. Nies li naħsbu li huma minn Tas-Sliema, fil-fatt jgħixu kullimkien f’Malta u l-kelma “ħamallu” ma tfisser xejn sakemm ma tintużax anki biex tiddeskrivi lili.
Il-qasma politika minn dejjem kienet waħda PL-PN iżda din m’għadhiex tgħodd bħala analiżi adegwata. Illum il-qasma hi bejn il-PL u l-bqija tad-dinja. Jew aħjar bejn dawk li huma ma’ Joseph u dawk li huma kontrih. Jekk ma tkunx leali lejn Joseph Muscat, int traditur. U meta jkun hemm il-protesti, tal-Labour jitkellmu dwar it-tradimenti. Ħadd ma kien jagħti każ il-Mafkar tal-Assedju l-Kbir qabel dan beda jiżżejjen bil-fjuri, bix-xemgħat u bir-ritratti ta’ Daphne Caruana Galizia. Bosta kienu dawk li kienu jaħsbu li l-Mafkar kien intrama biex ifakkarna fid-dibattiti politiċi televiżivi organizzati mill-Awtortà tax-Xandir.
Iżda s-segwaċi ta’ Joseph Muscat din il-biċċa m’għoġbithomx u ħassew ruħhom insultati b’dan it-tiżjin fuq simbolu nazzjonali tal-Assedju l-Kbir. Ħadd qatt ma xerred demgħa f’ġieħ dawk il-persuni mhux magħrufa li nqatlu taħt il-kmand ta’ Jean de Valette. Iżda din rawha bħala sfida lil Joseph għax għalihom kull simbolu ta’ kburija nazzjonali huwa awtomatikament simbolu ta’ kburija b’Joseph.
L-istess ħaġa tgħodd għall-protesti u għall-manifestazzjonijiet tal-moviment ta’ kontra l-korruzzjoni fejn bosta ħadu għalihom li l-protestanti jażżardaw ikantaw l-innu nazzjonali u jxejru l-bandiera Maltija u, għaġeb tal-għeġubijiet, jażżardaw jitkellmu b’awtorità dwar Malta mal-barranin.
Meta dan l-aħħar ġie Malta Nas Daily u ħareġ bil-kliem “oh my Malta” (kliem li fil-fatt ma jfissru xejn), ma stenniex li dawn it-tliet kelmiet se jkollhom tifsira speċjali għall-partitarji Laburisti. Ma seta’ qatt jifhem għaliex Janice ta’ Owen Bonnici immanipulat kollox mill-awtorità tat-turiżmu biex tħajjar liż-żgħażagħ jattendu għall-attivitajiet tal-massa li ma kienu xejn ħlief eżerċizzju mmirat biex taħsad għalqa ġdida għall-użu futur tal-kbir mexxej tagħhom. “Oh my Malta” fuq il-youtube għandha l-istess tifsira ta’ “Malta Tagħna Lkoll” u għas-segwaċi ta’ Joseph din il-kelma hi tagħhom u tista’ tintuża minnhom biss. Fil-perċezzjoni tagħhom il-kliem “Oh my Malta” inħolqu għalihom u jfissru “din mhix Malta tagħkom jekk ma tappoġġjawx lil Joseph”. Mingħajr ma jaf, Nas laqat il-musmar fuq rasu meta stqarr li l-politika f’Malta tiddomina l-umanità bażika tal-Maltin. Għal dawk li jqimu u jsegwu lill-politiċi qishom allat, il-politika tagħhom biss tgħodd. Skont dawn is-segwaċi, “l-oħrajn” li jinsabu barra miċ-ċirku ta’ ġewwa li bena għalihom Joseph, m’humiex meqjusa bħala ċittadini u m’għandhomx dritt igawdu mid-drittijiet li jgawdu huma biex ix-xaħam tal-“aqwa żmien” jitgawda minn kulħadd b’ġustizzja. Għalihom dawn m’humiex bnedmin. Ma rridx nagħti x’nifhem li jum fost oħrajn Laburist għad jixxuttja lil xi ħadd li mhux Laburist hekk, għall-gost. Għallinqas fid-deher, mhux se naslu s’hawn. Iżda ma tkunx ħaġa ta’ barra minn hawn jekk jitħajru jaqbdu ma’ wħud li jinsabu fiċ-ċirku ta’ barra permezz ta’ nbix, insulti, tgħajjir u intimidazzjoni — u jekk ma jaslux li joqtlu — jiċċelebraw meta xi ħadd minn dawn jinqatel.
L-ironija tinsab fil-fatt li l-PN il-ġdid, minħabba t-tolleranza relattiva li rabba fil-konfront tal-korruzzjoni tal-gvern, mhuwiex kategorikament eskluż mis-sens ta’ inklużività komda tal-univers ta’ Joseph. Il-PN ta’ Adrian Delia jinsab f’limbu ta’ aċċettazzjoni, konfortat kif inhu bil-kenn ta’ persuni bħal Robert Musumeci u oħrajn bħalu.
Il-verità hi li l-ostilità qed tiġi ffaċċjata minn dawk li, mingħajr tidwir mal-lewża, qed jikkritikaw bla qies il-korruzzjoni ta’ Joseph Muscat. Għas-segwaċi ta’ Joseph, dawk li huma lesti jħarrkuh għar-rati kriminali li wettaq — fosthom talli ta u baqa’ jagħti kenn lil kriminali oħra — qed jgħidu l-agħar ereżiji u huma tradituri. U dawk li tkellmu dwar il-korruzzjoni mal-barranin, għemilhom ma jinħafrilhom qatt.
Aħna ta’ barra ċ-ċirku ta’ ġewwa nistgħu biss inħarsu b’dieqa lejn it-tkissir li qed iseħħ f’pajjiżna, fejn qed ngħixu ta’ eżiljati. Iżda kien hemm movimenti li nibtu mix-xejn. U dawk li għandhom il-poter, dan jafuh sew. Dawn jafu li l-poter tagħhom jiddependi fuq il-kompliċità tal-appoġġ popolari u fuq l-oppressjoni ta’ dawk li mhux lesti jċedu. Meta demokrazija fażulla tiġi leġittimata, tinfetaħ it-triq għat-tattiċi biex dawk li jopponu jiġu eliminati.
Il-Mexxej intagħżel demokratikament. U fuq premessa bħal din, id-dritt demokratiku li wieħed għandu li jopponi jsir att antidemokratiku.
Il-kotra tiddeċiedi. Fuq premessa bħal din, id-dmir demokratiku li l-minoranzi jingħataw il-protezzjoni jsir oltraġġ kontra d-demokrazija nnifisha.
Il-Mexxej huwa magħżul direttament mill-poplu u jispiċċa biex jagħżel hu lil ħaddieħor. Fuq premessa bħal din, il-poter demokratiku li għandhom l-impjegati fis-servizz ċivili biex jaraw li l-poter tal-gvern ikun kontrollat isir kolp ta’ stat bis-slow motion.
Ir-reżistenza għal dan kollu kif tista’ tkampa f’ambjent bħal dan? Dawk li jirrifjutaw li jixegħlu x-xemgħat b’qima lejn Joseph kif jistgħu jħarsu d-dinjità tagħhom bħala ċittadini? Id-demokrazija kif tista’ terġa’ tingħata l-ħajja u titnaddaf?
Kif nistgħu nerġgħu nieħdu lura lil pajjiżna u nerġgħu naqsmuh ma’ dawk li ċaħħduna minnu?
Jekk mhux issa, meta se nibdew ngħixu?