Kumpannija li s-sid tagħha huwa ċ-chief of staff tal-prim ministru Keith Schembri ngħatat żewġ biċċiet art imdaqqsin fil-Qasam Industrijali ta’ Bulebel ftit jiem biss qabel il-prim ministru Joseph Muscat sejjaħ elezzjoni fl-2017.

L-artijiet ingħataw b’ċens għal 65 sena b’seħħ mill-1 ta’ Marzu 2017.

Waħda mill-biċċiet ta’ art għandha daqs ta’ 2,475 metru kwadru. L-għotja saret lil Kasco Limited li hi kumpannija fil-grupp ta’ Keith Schembri li taħdem fil-qasam tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-karta.

Il-biċċa art l-oħra ingħatat ukoll lil Kasco Limited iżda kumpannija oħra fil-grupp ta’ Keith Schembri ingħatat il-fakultà li tagħmel użu minnha. Din għandha daqs ta’ 2,547 metru kwadru u ngħatat ukoll b’ċens għal 65 sena.

Keith Schembri huwa s-sid ta’ Kasco Limited

Iż-żewġ biċċiet art ingħataw b’ċens ta’ ftit aktar minn 81,000 ewro fis-sena.

Il-kuntratt taċ-ċens ġie ffirmat fiż-żmien meta x’aktarx il-gvern kien diġà ħa d-deċiżjoni li jsejjaħ elezzjoni bikrija. Keith Schembri, bħala l-id il-leminija tal-prim ministru, bla dubju kellu sehem sħiħ f’din id-deċiżjoni.

L-għoti ta’ art mill-gvern għall-gwadann personali taċ-chief of staff tal-prim ministru jammonta għal kunflitt ta’ interess qawwi. M’hemmx mod li nsiru nafu Keith Schembri iddikjarax dan il-kunflitt internament jew le. 

Li hu żgur hu li l-pubbliku ma ġiex infurmat b’din l-għotja u kollox inżamm mistur sal-lum.

Mhux faċli li wieħed jakkwista artijiet fl-oqsma industrijali u s-soltu dawn jiġu allokati mill-gvern wara li tkun saret analiżi stretta li tkun imsejsa fuq il-valur miżjud li tista’ ġġib magħha l-attività produttiva proposta.

Fiż-żmien meta dawn il-5,000 metru kwadru ġew mgħoddija lil Keith Schembri, il-gvern kien ħabbar pjanijiet biex ikabbar il-qasam industijali ta’ Bulebel bis-saħħa tal-esproprjazzjoni ta’ art agrikola f’Wied iż-Żrinġ. Iżda dawn il-pjanijiet tħassru f’April li għadda kif kien ġie imħabbar mill-Ministru tal-Ambjent Josè Herrera.