Stqarrija minn #occupyjustice:
Sbatax il-mara ilkoll libsin l-iswed telgħu t-taraġ ta’ Kastilja, l-uffiċċju tal-Prim Ministru ta’ Malta, b’kartelluni f’idejhom bil-kliem “Who Owns 17 Black?” u dan biex jitfakkar is-seba’ xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-protesta, organizzata minn attivisti ta’ #Occupyjustice, kienet dwar il-kumpannija misterjuża li kienet qegħda tħallas €126,000 fix-xaħar fil-kontijiet tal-kumpanniji sigrieti fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
“Ġejna Kastilja b’din il-mistoqsija għaliex issa huwa ċar għal kulħadd, ħlief forsi għall-Prim Ministru nnifsu, li l-għanqbuta tal-korruzzjoni tinsab hawn fl-uffiċċju tiegħu stess. U aktar minn qatt qabel hu għandu jirriżenja flimkien ma’ sħabu,” qalu #OccupyJustice.
Il-grupp qal li meta ħmistax ilu, l-ġurnal Ġermaniż Süddeutsche Zeitung xandar l-irbit li hemm bejn 17 Black, Mizzi u Schembri, minflok keċċiehom minnufiħ il-Prim Ministru organizza mass meeting biex iħeġġeġ l-appoġġ minn nies tiegħu.
“Issa hemm dokumenti iswed fl-abjad li dawk qrib il-Prim Ministru ħolqu struttura biex jaħslu l-flus maħmuġin bil-għan li din tirċievi flus ġejjin mit-tixħim. U x’wieġeb għal dan il-Prim Ministru? Xejn affattu! M’hu qiegħed igħid xejn affattu u qed jistaħba wara inkjesta maġisterjali li hu stess lanqas biss talab li ssir,” qalu #OccupyJustice.
L-attivisti nisa qalu li kulħadd qiegħed jistaqsi min hu sid il-kumpannija 17 Black. “Aħna għalhekk qegħdin ngħidu li biex tinkiseb tweġiba jeħtieġ li niġu hawn f’Kastilja. Għaliex huwa ċar li l-Prim Ministru għandu interess li ma jittiħdux passi dwar dawn l-istejjer xokkanti tal-mafja li qegħdin jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta.”
“Aħna se nkomplu niġġieldu biex insalvaw lil pajjiżna mill-ħallelin tal-mafja u m’aħniex se nieqfu sakemm issir ġustizzja” qalu #OccupyJustice.
#OccupyJustice qalu li huma jinsabu determinati li jiġġieldu favur dak li hu sewwa, favur il-ġustizzja u favur soċjetà ġusta u egalitarja.
“Dan huwa pajjiżna, din hija darna, u aħna l-poplu. Nistennew aħjar, jistħoqqilna aħjar, nesiġu aħjar.”