Kurt Farrugia qal li l-istorja tiegħi dwar app li ħarġet fl-2015 fuq il-Facebook kienet “kompletament finta”. Naturalment, l-app kienet teżisti verament. U d-dejta mingħand dawk li jużawha ġabruha. Imma Kurt Farrugia kompla jitfa’ r-rappurtaġġ tiegħi fil-barmil tal-‘istejjer ivvintati’. Aħna mistennijin nemmnu li l-gvern ma nqediex b’din id-dejta għall-kampanja tiegħu, li kienet immirata lejn gruppi preċiżi ħafna. Ara ġejja scam oħra li Kurt Farrugia se jgħid li hija wkoll kompletament finta.
Is-Super1 għadu kemm ħabbar li din is-sena, l-attendenza għall-Isle of MTV se tibqa’ b’xejn, imma dawk kollha li jmorru jridu jirreġistraw. Se jkun hemm formula onlajn. U jaf anki takkwista xi vantaġġi jekk tirreġistra minn qabel, imma jekk tinsa ma jimpurtax għax tkun tista’ ttihom l-informazzjoni kollha bil-mowbajl kif tasal mal-entrata. Għal dan kollu hemm l-iskuża bażwija tal- ‘health and safety’. Biex l-organizzaturi jkunu jafu meta l-Fosos ikunu mtlew u meta ma jkunux jistgħu jaċċettaw iktar nies. Sintendi, m’hemm xejn dwar x’jiġri fil-każ li tkun irreġistrajt ħmistax qabel imma l-pjazza tilħaq timtela xorta bin-nies li jmorru jirreġistraw mal-entrata. Bħal donnu se jkun hemm tgerfixa sħiħa. Fil-verità, mhu se jkun hemm tgerfixa xejn. Dawk iż-żgħażagħ kollha, membri ħelwin tal-grupp Vot16 li fil-biċċa l-kbira qatt ma waqagħlhom f’rashom il-ħsieb tal-politika, mhux se jsibuha bi tqila wisq biex jagħtu d-dettalji tagħhom u jidħlu b’xejn il-kunċert. Allura fejn hi l-istorja “kompletament finta” li tant ilna nistennew? Tal-Lejber hekk jakkwistaw salt dejta li jistgħu jużaw biex jimmanipulaw il-votanti biex jappoġġawhom. Suppost, għandu jkun hemm regolaturi li jipproteġuna u li jwaqqfu milli ħaddieħor jabbuża mill-informazzjoni fuqna. Suppost. Fil-prattika però, dawn huma l-istess regolaturi li ma ridux jippubblikaw l-ismijiet ta’ dawk li xtrawha ċ-ċittadinanza, għax ma ridux li l-gvern jaqa’ għaż-żufjett. Ilkoll nafu ma’ min iżommu dawn ir-regolaturi. Wasal iż-żmien li 1984 ta’ Orwell, intuh tfarfira u nerġgħu nibdew nagħtu daqsxejn kasu. Għaddejjin minn taħt it-tirannija tal-informazzjoni.