Il-baġit il-ġdid tal-Unjoni Ewropea ippreżentat illum mill-President tal-Kummissjoni Jean Claude Juncker intrabat ma’ kundizzjoni ġdida li permezz tagħha l-ħlas ta’ fondi – partikolarment fondi ta’ koeżjoni wżati mill-Istati Membri b’riżq proġetti infrastrutturali u ta’ żvilupp – jsir biss lil dawk l-Istati Membri li verament jirrispettaw is-saltna tad-dritt.

Dalgħodu l-editorjal ta’ Le Monde tkellem dwar din l-inizjattiva u interpretaha bħala twissija diretta lill-Polonja, lill-Ungerija u lil Malta: tliet pajjiżi bi problemi dwar is-saltna tad-dritt li nħolqu mill-imġieba xejn eżemplari ta’ politiċi f’dawn il-pajjiżi li jinsabu bir-riedni tal-gvern f’idejhom.

Il-politika l-ġdida se tintrabat mal-baġit għas-snin 2021-2027.

It-Trattat jagħti miżura ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tistabilixxi l-kundizzjonijiet li bis-saħħa tagħhom l-Istati Membri jkollhom aċċess għall-baġit tal-UE. Din id-diskrezzjoni tista’ twassal għas-sospensjoni ta’ ħlasijiet ta’ fondi wara li jkun ittieħed vot fil-Kunsill Ewropew li hu magħmul mill-gvernijiet tal-Istati Membri u tista’ tiġi approvata bis-saħħa ta’ maġġoranza kwalifikata.

Il-Kummissjoni Ewropea ħasset il-ħtieġa li tintroduċi din il-kwalifika għaliex dehrilha min ikun qed iħallas it-taxxa fl-UE ikun qed jikkontribwixxi wkoll lil dawk il-pajjiżi b’dawn il-problemi. Il-Kummissjoni jkollha d-dritt li taqta’ l-ħlasijiet ta’ fondi ta’ koeżjoni lil dawk il-gvernijiet ta’ pajjiżi li jonqsu li jirrispettaw is-saltna tad-dritt.