Qed tagħmel is-sħana. U mhux sforz it-temp biss. In-nirien ta’ sħana li qed naraw u nħossu ma’ wiċċna m’huma xejn ħdejn in-nirien li spiċċaw qerdu lil Daphne Caruana Galizia. Kienet fuq quddiem nett fit-taqtiegħa għall-ġustizzja u qerduha. Ħadd m’għandu jiskanta li nkunu aħna li issa se jmissna nkunu fil-mira tagħhom.

Iriduna nieqfu u se jagħmlu minn kollox biex iwaqqfuna. Araw ftit kif id-deputat tal-PN David Stellini ‘jistaqsi’ dwar jekk dawk l-eluf li s-sena l-oħra pprotestaw dwar il-korruzzjoni kinux sinċiera. Hawn m’huwiex biss jipponta sebgħu lejn il-mexxejja tal-protesti. Kważi kważi qed jiddubita aħniex imġienen, qed jiddubita l-fatti li nafu x’inhuma u l-konklużjonijiet li ġbidna minn dawn il-fatti. Ninsabu iżolati mill-bqija tad-dinja fejn il-korruzzjoni li qed jippretendu li nagħlqu għajnejna għaliha tniżżel l-eluf jipprotestaw fit-toroq.

Dawn iriduna nidraw normalità ġdida. Normalità fejn ministru li jinqabad b’kumpannija sigrieta maħluqa ftit jiem biss wara li jkun ħa s-setgħa, jibqa’ fis-setgħa. Anke meta tiġi mxandra iswed fl-abjad l-eżistenza ta’ kontijiet bankarji u ta’ wegħdiet ta’ ħlas ta’ eluf.

Normalità fejn direct order li tammonta għal nofs in-nefqa kapitali ta’ sena fuq proġetti tingħata lil donatur politiku. U l-Kap tal-Oppożizzjoni jiltaqa’ kunfidenzjalment mad-donatur politiku biex jiddiskuti l-kwistjoni.

Normalità fejn dawk li jażżardaw jipprotestaw fuq dan kollu jaqilgħuha fuq rashom b’sensiela ta’ xiljiet, gideb u insinwazzjonijiet minn naħa tal-gvern u tal-oppożizzjoni li jużaw il-mezzi tax-xandir tagħhom biex jiżolaw lil min jipprotesta.

Normalità fejn il-Pulizija tigdeb b’mod sfaċċat dwar theddid ta’ arrest ta’ whistleblower minkejja l-fatt li saħansitra tkun diġà talbet u kisbet warrant ta’ arrest qabel tkun bagħtet għalih.

Normalità fejn pajjiż sħiħ jinsab maqbud mit-tentakli ta’ qarnita li għandha rasha f’Kastilja u li issa qabdet ukoll lill-ġudikatura, lill-istampa, lis-servizz ċivili, lill-pulizija, lill-prosekutur pubbliku u lill-oppożizzjoni parlamentari.

Għalkemm bosta huma dawk li ma jaqblux ma dak li qed iseħħ fil-pajjiż, ftit huma dawk li jażżardaw jitkellmu. Ejjew inkunu fost dawk il-ftit.

Il-Ħamis li ġej fil-velja ta’ kull xahar f’Misraħ l-Assedju se jitkellmu:

  • Winston Psaila
  • Jessica Debattista
  • Ranier Fsadni
  • Lizzie Eldridge

Jien se ngħid kelmtejn ukoll. Il-velja tibda fit-8.30pm.

Fil-frattemp tista’ ssegwi bran qasir ta’ filmat ta’ intervista lil Paul Caruana Galizia li xxandar il-bieraħ minn Channel 4.