Minn traskrizzjoni ta’ sensiela ta’ mistoqsijiet li saru mill-Maġistrat Aaron Bugeja fl-inkjesta Egrant, li jinsabu f’parti mir-rapport li ma ġiex imxandar u li jien rajt b’għajnejja, juru li l-Maġistrat interpreta t-termini ta’ riferenza li kien ingħata fis-sens li kull indaġni dwar l-identità ta’ sid l-Egrant kellha tiġi eskluża.

“Se nagħmilielek ċara. It-terms of reference tiegħi m’humiex li nindaga Egrant ta’ min hi. Biex anke int ikollok l-idea ċara.”

L-interpretazzjoni li ta l-Maġistrat Bugeja lit-termini ta’ riferenza li taħ Joseph Muscat hi ovvjament korretta. Dawn it-termini inkitbu bi preċiżjoni liema bħalha bil-għan li l-boċċa tinġieb qrib il-likk. U l-Maġistrat interpretahom bi preċiżjoni wkoll, kif kien fid-dmir li jagħmel.

X’uħud għandhom mnejn jiskantaw bil-mod kif il-Maġistrat ma qgħadx jogħmodha meta għamilha ċara li, anke li kieku sar jaf sid l-Egrant min hu jew min hi, u anke li kieku kellu jsir jaf li sidha kiser il-liġijiet jew inkella li l-identità tiegħu jew tagħha tista’ tikkawża problemi ta’ natura politika għal xi ħadd li mhux suppost ikun sid ta’ kumpanniji u kontijiet bankarji barranin, ma kienx beħsiebu jmur lil hinn minn dawn it-termini.

Dan ma jfissirx li Aaron Bugeja kien qed ifettaq jew ried igħatti xtur il-gvern. Ifisser li Aaron Bugeja għamel xogħolu skond kif titlob il-liġi.

M’għandniex xi ngħidu, fil-għama konna u fil-għama bqajna. Kumpannija sigrieta fil-Panama li sirna nafu biha b’kumbinazzjoni kienet tabilħaqq inħolqot biex tibqa’ sigrieta. Li kieku sidha ma kellux x’jaħbi, din il-kumpannija kien joħloqha f’Malta. Minflok, irħewlha lejn in-naħa l-oħra tad-dinja biex isimhom żgur jibqa’ mistur.

M’hemmx dubju li kien magħruf sew fejn kienu u fejn inżammu l-provi dokumentati dwar l-identità ta’ sid l-Egrant. F’xi okkażjonijiet rari, l-Panama stess kienet tesiġi li tkun taf l-identità tas-sidien tal-kumpanniji li tirreġistra. Il-provi dwar min hu s-sid ċertament kienu jkunu meħtieġa biex jinfetaħ kont bankarju u l-indikazzjonijiet huma li l-kontijiet bankarji ta’ Egrant kienu fid-Dubaj.

Ġara’, iżda, li d-Dubaj rrifjuta li jikkopera ma’ Aaron Bugeja, injora t-talbiet tiegħu għal informazzjoni u kull prova li kien għad fadal jidher li rabbiet is-saqajn jew inqerdet. U dak li kien fadal mill-provi ma kienx biżżejjed biex jissodisfa l-esiġenzi riġidi ta’ konklużjoni iva/le tal-inkjesta: l-Egrant tgħajjat lil Michelle jew lil Joseph Muscat? Ma nstabu ebda provi li kienu biżżejjed biex din il-mistoqsija tiġi mwieġba bil-kelma “iva”.

Allura l-Egrant lil min tgħajjat? U Aaron Bugeja jiċċara li ‘din ma kinitx tagħmel parti mit-termini ta’ riferenza li ngħatajt’.

Fil-fatt hu xogħol il-Pulizija li jsiru jafu dan is-sid min hu jew min hi. Iżda bħalissa moħħhom biss li jinterrogaw lil Pierre Portelli u lil Jonathan Ferris talli kellhom l-ardir li jitkellmu mal-awtoritajiet dwar dak li kienu saru jafu u dan bil-għan li jgħinuhom fix-xogħol tagħhom.