L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qabbad avukati biex ihedded blogger Kattoliku fir-Renju Unit bi proċeduri ċivili u kriminali fuq kummenti li dan għadda dwar allegazzjonijiet li kienu xxandru fl-2015 f’rapport fil-Malta Today.
Ir-rapport kien ittratta l-każ ta’ qassis Għawdxi Joseph Bezzina u l-allegazzjoni li l-Isqof Mario Grech għattielu fuq allegazzjonijiet li seħħew xi abbużi fuq subien. Il-blog tal-kittieb Kattoliku Mark Lambert, igħid li dossier dwar il-każ ta’ Joseph Bezzina “għeb”.
Ir-rapport ta’ Mark Lambert isemmi wkoll il-każ ta’ Dominic Camilleri li fl-2003 kien ġie kundannat minn tribunal tal-Knisja f’Malta iżda li, sal-2105, dan kien għadu jilbes is-suttana. Din l-istorja kienet ixxandret dak iż-żmien minn Jurgen Balzan fil-Malta Today.
Skond il-blogger, dawn il-każijiet kif ukoll l-akkużi minn naħa ta’ membri tal-kleru f’Għawdex kontra l-Isqof Mario Grech ta’ “imġieba mhux professjonali”, qed iqajmu mistoqsijiet dwar l-impenn tal-Kurja Għawdxija li tieħu azzjoni kontra l-abbużi fuq it-tfal.
F’ittra lil Mark Lambert, l-avukat ta’ Mario Grech jiċħad l-allegazzjonijiet u jhedded li jagħti bidu għal “proċeduri ċivili u kriminali” kontra l-awtur.
Mark Lambert jipparaguna l-Kurja ta’ Għawdex ma’ dik ta’ Malta immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna li, skond kif qed jingħad, se jintbagħat Philadelphia biex jinvestiga s-sitwazzjoni ta’ hemmhekk wara li xxandar rapport mill-awtoritajiet li kixef stejjer ta’ abbużi fuq mill-inqas 1000 vittma minn aktar minn 300 qassis fuq medda ta’ 70 sena.
Skond il-grand jury ta’ Philadelphia “qassisin kienu jistupraw tfal żgħar u l-qaddejja ta’ Alla li kienu responsabbli mhux talli m’għamlu xejn: kienu jgħattulhom ukoll”.
L-iskandlu li nkixef fuq l-abbużi li seħħew fil-Philadelphia, li segwa l-istejjer li nkixfu ta’ abbuż mit-tfal fl-Irlanda, qiegħed iqajjem dibattitu dwar teżistix il-ħtieġa li ssir investigazzjoni simili f’Malta wkoll.
U, fiċ-ċirkostanzi, forsi jkun opportun jekk investigazzjoni tinbeda’ f’Għawdex.