Membru anzjan tal-kleru Għawdxi, li llum huwa rtirat, ġie sospiż mill-qadi ta’ dmirijietu bħala saċerdot wara li tfaċċaw allegazzjonijiet li abbuża sesswalment minn persuna taħt l-età fuq medda ta’ erba’ snin li ġiet fi tmiemha 16 il-sena ilu.
Karistu Sultana serva bħala l-Arċipriet tax-Xagħra għal bosta snin u kien persuna rispettata ħafna mill-komunità Għawdxija.
Huwa allegat li kien ikollu x’jaqsam sesswalment ma’ tfajjel taħt l-età u għal dan kien jippremja lill-vittma b’rigali. Jingħad li l-abbuż intemm meta l-vittma għalaq 17 il-sena.
Ninsab infurmat li Karistu Sultana ammetta li l-allegazzjonijiet huma minnhom.
Ftit ġranet ilu l-Arċisqof Charles Scicluna ġie nfurmat b’dawn l-allegazzjonijiet u minnufih talab lill-kummissjoni indipendenti tal-Knisja biex tgħarbel l-allegazzjonijiet. Karistu Sultana ġie sospiż mis-saċerdozju u l-każ ġie mgħoddi lill-Pulizija.
Ninsab infurmat li, meta f’Lulju li għadda l-Arċisqof Scicluna sar jaf bl-allegazzjonijiet, tal-anqas żewġ membri anzjani tal-kleru f’Għawdex kienu ilhom sentejn jafu bihom.
Meta fl-2016 Monsinjur Sultana ġie konfrontat bl-allegazzjoni, huwa kien talab kollega tiegħu fil-kleru Għawdxi sabiex jimmedja mal-vittma u biex jiżgura li l-istorja ma tixxandarx. M’jinix f’pożizzjoni nikkonferma allegazzjoni li saret offerta ta’ ħlas mill-medjatur lill-vittma biex l-istorja tibqa’ mistura.
Membru anzjan ieħor tal-kleru Għawdxi ġie wkoll infurmat dwar l-allegat abbuż.
Minkejja l-fatt li żewġ membri anzjani tal-kleru Għawdxi kienu ġew mgħarrfa bl-allegat abbuż u minkejja l-ammissjoni impliċita ta’ Karistu Sultana, meta huwa rċieva ittra legali li fiha saru l-allegazzjonijiet, dawn l-allegazzjonijiet ma ċaħadhomx iżda ra kif għamel biex jostor l-istorja permezz ta’ negozjati mal-vittma.
Ninsab infurmat li matul is-sentejn minn meta Karistu Sultana sab ma’ wiċċu dawn l-allegazzjonijiet mill-passat tiegħu, huwa mar joqgħod Malta u għal xi żmien għex f’orfanatrofju mmexxi mill-Knisja. Id-djoċesi ma weġbitx għal mistoqsijiet li sarulha minni f’dan ir-rigward.
It-tweġiba tad-djoċesi tgħid li “hekk kif irċieva l-allegazzjonijiet bil-miktub, l-Arċisqof ta’ Malta u l-Isqof ta’ Għawdex għaddew il-każ lill-Kummissjoni tal-Knisja. Monsinjur Sultana minnufiħ ġie sospiż mis-saċerdozju mingħajr preġudizzju sakemm jintemmu proċeduri ċivili u kriminali. Il-Kummissjoni għaddiet il-każ lill-Pulizija”.
L-istqarrija tinftiehem fis-sens li l-Isqof Mario Grech la kien jaf li żewġ membri anzjani tal-kleru Għawdxi kienu ġew infurmati bl-allegazzjonijiet ta’ abbużi sesswali minn Karistu Sultana u lanqas bir-raġuni għaliex Karistu Sultana kien telaq mid-djoċesi sentejn qabel.
F’artiklu li kiteb fl-2015, meta x-Xagħra fakkret il-ħamsin sena tas-saċerdozju ta’ Karistu Sultana, l-avukat Għawdxi u kandidat politiku Kevin Cutajar ddeskriva lis-saċerdot bħala persuna “magħrufa f’Għawdex għall-isforzi tiegħu biex jattira l-vokazzjonijiet ġodda”.
Fl-2015 Kevin Cutajar kiteb hekk: “Matul l-ewwel għoxrin sena ta’ ħajti, Dun Karistu Sultana kien l-arċipriet tax-Xagħra u jien xhud tal-isforzi tiegħu. Niftakar l-inizjattivi li kien jieħu biex jorganizza l-attivitajiet għall-abbatini u biex igħallimhom il-prinċipji Nsara”.
Is-saċerdot sospiż kien ġie intervistat mill-mezzi tax-xandir internazzjonali dwar il-ġenituri Xagħrin tat-trabi sijamiżi li kienu twieldu f’Manchester fl-2001. Araw l-intervista li kien ta lill-BBC dak iż-żmien.
Id-djoċesi temmet tgħid li “l-kummissjoni trodd ħajr lill-vittmi li wrew kuraġġ kbir meta tkellmu dwar l-abbuż. Kull min għandu nformazzjoni dwar xi att kriminali għandu jagħmel rapport direttament lill-Pulizija ta’ Malta. Kull min għandu xi informazzjoni dwar xi membru tal-kleru għandu jikkuntattja lill-kummissjoni fuq [email protected].”