Anki li kieku tal-Bank Ċentrali ġew imġiegħla jidħlu għax-xogħol f’nofs ta’ lejl biex jaraw kif se jwieġbu għall-kummenti ta’ Standard & Poor’s dwar il-ħsara li qed issir lir-reputazzjoni tal-qasam bankarju f’Malta, l-ħsara li leħqet saret hi kbira ħafna.
Niżbaljaw jekk noqgħodu nwaħħlu f’Standard & Poor’s. Jekk nagħmlu dan, inkunu qisna l-gvern li kull darba li d-dinja ssir taf bit-taħwid li hawn fil-pajjiż, iwaħħal f’David Casa. L-ironija tinsab fil-fatt li, b’differenza għall-biċċa ‘l kbira tal-kriżijiet bankarji li jseħħu madwar id-dinja, fuq din ma nistgħux inwaħħlu fil-bankiera.
Jeħtieġ niftakru, wara kollox, li Ali Sadr Hasheminejad tabilħaqq qatt ma’ kien bankier. Allegatament – nużaw din il-kelma għall-preċiżjoni biss – kien frodista u paraventu għal min kellu l-ħtieġa li jaħsel u jirriċikla flus maħmuġin.
Madankollu il-gvern tagħna għoġbu jerħilu jopera u dan kien il-kaġun ewlieni tal-fatt li llum ninsabu fiex ninsabu.
Dan mhux kollox. Meta Daphne Caruana Galizia kitbet dwar il-Pilatus Bank, kienu għajjruha giddieba u Ali Sadr tħalla jibqa’ jħawwad mingħajr xkiel. Meta Maria Efimova xehdet dwar dak li kien qed jiġri fil-Pilatus Bank, xlewha li hi spija Russa u Ali Sadr tħalla jibqa’ jħawwad mingħajr xkiel. U meta Ali Sadr ħarrek lil Daphne Caruana Galizia għal 40 miljun dollaru, direttament jew indirettament il-gvern approva dan kollu biex Ali Sadr baqa’ jħawwad mingħar xkiel.
Meta mbagħad Ali Sadr ġie arrestat u miżmum mill-FBI, il-gvern ħareġ għonqu biex jiddefendi lill-Pilatus Bank sabiex, saħansitra anke mill-ħabs, Ali Sadr seta’ jibqa’ jħawwad mingħajr xkiel.
U meta ntemmet l-inkjesta Egrant, dawk li kienu kixfu t-taħwid li kien għaddej fil-Pilatus Bank ġew mgħajjra giddieba, sperġurati, frodisti u konspiraturi u dan sabiex dawk kollha li għalihom Ali Sadr kien qed iservi ta’ paraventu jkunu jistgħu jibqgħu joperaw bla xkiel.
F’nofs dan it-taħwid kollu, ir-regolaturi bankarji Maltin u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi żammew il-bogħod u naqsu li jintervjenu minkejja l-provi dwar irregolaritajiet li kellhom f’idejhom. Mhux hekk biss. Meta xorta waħda xxandru l-provi li kienu ppruvaw jordmu, bdew iheddu u għadhom jheddu sal-lum lill-għejjun tal-informazzjoni bil-ħabs.
Kull meta Standard & Poor’s ixxandar xi rapport dwar il-credit rating ta’ Malta, tal-Bank Ċentrali tgħidx kemm jagħmlu ħsejjes. Iżda din id-darba Standard & Poor’s xegħlu bozza ħamra u tal-Bank Ċentrali qed jippruvaw imeruhom b’argumenti li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-kwistjoni.
Standard & Poor’s qalu li, minkejja l-istabilità fil-finanzi, r-reputazzjoni bankarja ta’ Malta “tista’ ssib ruħħa tilgħab man-nar”. U t-tweġiba tal-Bank Ċentrali fejn dawn fakkru dwar l-istabilità finanzjarja ta’ Malta ma tagħmilx sens.
Minflok iwaħħal f’ħaddieħor għal dan l-inkwiet, Edward Scicluna jmissu jħabbel moħħu fuq dan kollu. Jekk bħala pajjiż m’aħniex kapaċi nuru lid-dinja li għandna r-rieda u l-mezzi biex nilqgħu għall-ħasil tal-flus u nwaqqfuh, kollox jista’ jisplodi f’wiċċna.
Edward Scicluna jeħtieġ ukoll jistaqsi il-għala kulħadd baqa’ ċass fil-konfront ta’ din il-problema.
X’inhi r-raġuni li, biex setgħu iwieġbu malajr lil aġenzija internazzjonali tal-credit rating, tal-Bank Ċentrali sa waslu biex qajjmu lin-nies tagħhom f’nofs ta’ lejl, iżda fil-konfront tal-akbar skandlu bankarju mis-snin 70 ‘l hawn baqgħu ċassi?
Ir-raġuni hi din: dan huwa l-prezz li jħallas pajjiż meta l-istituzzjonijiet indipendenti tiegħu isiru fergħat tal-uffiċċju tal-prim ministru u soġġetti għar-rieda u l-interessi tiegħu u ta’ sħabu. Ali Sadr Hasheminejad għamel ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Qatt smajtu lil Joseph Muscat u l-qaddejja tiegħu jikkritikawh? Ċertament li le. Għalihom jaħti għal kollox David Casa.