Hekk kif Standard & Poor’s turi t-tħassib tagħha dwar il-qasam bankarju f’Malta, hi ħaġa minn ewl id-dinja li  dawk li jaħdmu fis-servizzi finanzjarji sabu ruħħom f’baħar ta’ inkwiet. Fil-fatt m’għandhomx b’xiex jiskantaw għal dan l-inkwiet għax jafu sew x’inhu jiġri.

Dawn in-nies, li lil din l-industrija jifhmuha sew, jafu li s-swieq ilhom żmien twil jitmeżmżu kull meta tissemma’ Malta. Mhux għax f’Malta kien hawn bank fażull. Ħaġa bħal din tista’ sseħħ f’kwalunkwe pajjiż ieħor. Iżda għax il-bank fażull tħalla jaħdem għal żmien twil.

Jeħtieġ nifhmu li min ikun irid iħaddem flusu għandu diversi għażliet madwar id-dinja fejn jista’ jagħmel dan.  L-istqarrija ta’ tħassib minn Standard & Poor’s hi l-aħħar waħda minn sensiela ta’ stqarrijiet minn organizzazzjoni li m’għandha ebda motivazzjoni partiġġjana biex timbarazza lil Joseph Muscat. Għalkemm irid jingħad li tal-Labour  issa ilhom bl-istess kantaliena li dan it-tħassib ta’ osservaturi newtrali huwa tort tal-“bloggers Nazzjonalisti” jew “David Casa”.

X’qalet eżatt l-istqarrija ta’ Standard & Poor’s? L-Awtorità Bankarja Ewropea wriet it-tħassib tagħha dwar l-FIAU u dwar l-egħmil tagħha. U għax wriet dan it-tħassib, tal-Labour waħħlu f’David Casa. L-istess għamlu għat-tħassib tal-Parlament Ewropew.

Għandu jiftaħ l-għajnejn il-fatt li ħadd ma qgħad jallega li l-prosekuzzjoni ta’ Ali Sadr mill-FBI kienet motivata mill-politika partiġġjana Maltija. U minħabba l-egħbusija tar-ras, il-gvern baqa’ jinjora dan kollu.

Jeħtieġ niftakru li l-ewwel darba li smajna bil-Pilatus Bank kien permezz tal-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia li kienet basret li dan il-bank kien se jġib lill-pajjiż fl-inkwiet.

Il-verità hi li Daphne Caruana Galizia kienet ippruvat tiftaħ l-għajnejn dwar il-Pilatus Bank sa mill-ewwel xhur tal- 2016. Li jfisser li dawk l-operaturi fis-servizzi finanzjarji, li bħalissa qed jagħmlu taħthom bl-inkwiet hekk kif – sa dalgħodu stess – għadhom jgħarblu l-konsegwenzi tal-istqarrija ta’ Standard & Poor’s, diġà kienu ilhom imwissijin għal żmien twil.

Daphne kienet kitbet dwar kontijiet bankarji fl-ismijiet tal-membri tal-familja tad-dittatur tal-Ażerbajġan u fl-ismijiet ta’ oħrajn bħalma huma l-werrieta ta’ dak li kien id-dittatur tal-Angola. U eventwalment kienet kitbet ukoll dwar kontijiet bankarji f’isem iċ-Chief of Staff tal-prim minsitru Keith Schembri.

M’għandniex xi ngħidu, l-informazzjoni li kien irnexxielha tiġbor Daphne ma waqgħetx mis-sema. Akkwistat din l-informazzjoni għax ħadmet ma’ għejjun, fosthom Maria Efimova li wasslitilha stejjer dwar dak kollu li kien għaddej fil-Pilatus Bank.

Il-Partit Nazzjonalista għamel sew meta fakkar lill-MFSA u lill-gvern dwar ir-responsabbiltà li dawn jeħtieġ jerfgħu għal din il-ħsara kollha li saret lill-pajjiż. Lill-gvern, il-PN qallu l-Pilatus Bank ma kien messu qatt ingħata liċenzja biex jopera f’Malta u li kien messha ttieħdet azzjoni immedjata hekk kif bdew jixxandru l-istejjer dwar it-taħwid li kien qed iseħħ.

Madankollu l-attenzjoni tal-Partit Nazzjonalista (biex ma nsemmux ukoll lill-gvern) għandha wkol tinġibed għall-fatt li l-informazzjoni  – korretta sal-anqas dettall u li kkaġunat ħsara – waslet mingħand għejjun u mingħand ġurnalista li issa qed jipprova jiskredita u jgiddeb. Il-gvern u l-PN flimkien qed isejjħu l-informazzjoni li kienet xandret Daphne Caruana Galizia dwar it-taħwid fil-Pilatus Bank bħala l-ikbar gidba fl-istorja politika Maltija.

M’għandniex xi ngħidu, l-iskreditar ma bediex illum, għalkemm il-koperazzjoni mimlija ħeġġa tal-PN hi fenomenu riċenti li hu relattivament ġdid. L-iskreditar ilu żmien twil li beda’ u kompla jiħrax meta bdew jixxandru l-istejjer dwar il-Pilatus Bank. U meta nkixfet l-identità ta’ Efimova, il-kanuni ddawwru għal fuqha wkoll.

Li kieku dawk l-operaturi tas-servizzi finanzjarji – li kienu jafu bit-taħwid – ma tnikkrux biex jagħmlu pressjoni fuq il-gvern biex iġiegħluh jiċċaqlaq u jnaddaf il-ħmieġ, forsi llum is-sitwazzjoni mhix gravi daqs kemm hi bħalissa.

Wasalna s’hawn minħabba l-kompliċità tas-silenzju u minħabba l-interessi egoistiċi tal-korrotti. U, milli jidher, il-maltemp li għaddejjin minnu se jdum biex ibatti.