ABLV Bank, bank li jinsab għaddej minn proċeduri ta’ likwidazzjoni wara li nkixef li kien imdaħħal f’ħasil ta’ flus maħmuġin, kien informa lir-regolatur tal-Latvja li kienu saru ħlasijiet ta’ madwar $1.4 miljun lil 17 Black minn kumpannija fil-Gżejjer Seychelles ta’ negozjant taż-żejt mill-Ażerbajġan. 17 Black kienet il-kumpannija li tqabbdet biex tagħmel ħlasijiet lil kumpanniji sigrieti li Keith Schembri u Konrad Mizzi huma s-sidien tagħhom.
Din l-informazzjoni tirriżulta minn rapport f’re:baltica, ċentru Baltiku tal-ġurnaliżmu investigattiv li f’Mejju li għadda nvestiga r-rabtiet li ABLV kellu ma’ Malta. Din l-istorja għandha tinqara’ fil-kuntest tat-tweġibiet li tat il-bieraħ lill-MEP Ana Gomes l-aġenzija tal-Latvja ta’ kontra l-ħasil tal-flus maħmuġin.
Ir-rapport igħid ukoll li awtoritajiet Amerikani ta’ kontra l-ħasil tal-flus kienu saru jafu bi ħlasijiet li saru minn Mayor Trans, kumpannija reġistrata fil-Gżejjer Seychelles lil 17 Black Limited li hi reġistrata fid-Dubaj u kienu sejjħu suspettużi dawn “il-ħlasijiet, trasferimenti elettroniċi u ħasil ta’ flus”.
Sid il-Mayor Trans huwa Rufat Baratzada mill-Ażerbajġan li wkoll għandu negozji fl-Istati Uniti u ishma f’Net Element, kumpannija tal-micro-payments.
Il-website The Baltic jirrapporta wkoll li l-investigazzjoni li saret fil-Latvja għadha għaddejja. Madankollu l-website jkompli jgħid li, kif ġie konfermat mir-regolatur bankarju tal-Latvja, mill-prosekutur ġenerali u mill-ministeru tal-ġustizzja ta’ dak il-pajjiż, l-inkjesta inizjali li kienet inbdiet fi Frar li għadda mill-FIAU ta’ Malta ma nbidlitx f'”investigazzjoni kriminali attiva” u li Malta naqset li tilob għall-għajnuna legali f’dan il-każ.
Il-bieraħ l-MEP Ana Gomes kompliet tgħid li l-aġenzija tal-Latvja ta’ kontra l-ħasil tal-flus kienet għaddiet informazzjoni dwar is-sid jew is-sidien ta’ 17 Black, li jfisser li l-awtoritajiet Maltin x’aktarx ilhom jafu minn Frar l-identità tas-sidien tal-kumpannija reġistrata fid-Dubaj li kienet ftiehmet mal-kumpanniji ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi li tħallashom ammonti kbar ta’ flus.
Informazzjoni bħal din ma kienx faċli li tinġabar minħabba l-fatt li fid-Dubaj — kif dan l-aħħar induna l-Maġistrat Bugeja stess meta t-talbiet tiegħu għal informazzjoni dwar min hu sid jew min hi sidt l-Egrant waqgħu fuq widnejn torox – tinżamm segretezza sħiħa dwar informazzjoni marbuta mal-identifikazzjoni tas-sid jew tas-sidien ta’ kumpanniji reġistrati hemmhekk.