L-avukat ġenerali wieġeb lill-avukati tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia permezz ta’ ittra qasira “proviżorja” (aqraha aktar l’isfel) suppost biex jilħaq iwieġeb fiż-żmien li tawħ. Huwa kiteb l-opinjoni li bgħatulu l-avukati  qed tiġi “kunsidrata attivament” iżda, ġaladarba huma insistew li tintbagħtilhom tewġiba sal-aħħar ta’ Awwissu, qalilhom li kien kostrett li jinbgħatilhom xi ħaġa.

Niftakru li Peter Grech dam ftit minuti biss biex qara’ rapport ta’ inkjesta li fih 1,500 paġna ta’ Aaron Bugeja qabel iddeċieda li jgħaddi kollox lil min kien suspettat bir-reati kriminali li kienu s-suġġett tal-inkjesta. Madankollu fi tliet ġimgħat, kien kapaċi li joħroġ biss bi tweġiba li ma kienet tweġiba xejn.

Grech kiteb li jiddispjaċih li fl-ittra tal-avukati tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia hemm ċertu insinwazzjonijiet. Kiteb ukoll li ma jistenniex li l-Pulizija Maltija tfornieh b'”kummentarju ħaj” dwar l-investigazzjonijiet li jkunu qed imexxu. Huwa ċar li min kiteb l-ittra li ffirma Peter Grech għamel użu mill-kliem “kummentajru ħaj” għax apposta ried iweġġa’ s-sentiment.

L-ittra ta’ Peter Grech lanqas biss tibda’ biex tindirizza l-fatti msemmijin fl-ittra li għaliha nkitbet it-tweġiba. Ma tispjegax ir-raġuni għala ebda persuna li għandha xi awtorità pubblika qatt ma ġiet investigata b’rabta mal-assassinju. Ma tgħidx jekk huwiex jiġi investigat jekk l-assassinju setax ġie evitat. U lanqas biss tibda’ biex twieġeb il-mistoqsija dwar min kien jaf bil-quddiem li kien ser jitwettaq id-delitt.

Minflok għamlet dan, l-ittra ta’ Grech tagħti “garanzija bla tarf” tad-“diskrezzjoni u libertà totali” tal-inkjesta tal-maġistrat.

Grech ma setax kiteb ħmerija akbar minn din.

Il-maġistrat kellu l-libertà kollha, iżda r-riżorsi meħtieġa jinsabu f’idejn il-pulizija eżekuttiva li hi mmexxija b’mod mill-aktar partiġġjan. Il-maġistrat la hu investigatur u, f’dan ir-rwol, lanqas huwa ġudikant. M’hix rilevanti hawn id-dikjarazzjoni tas-soltu fis-sens li “l-ġudikatura tagħna hi indipendenti u imparzjali” għax il-ġudikanti ma jistgħu jagħmlu xejn sakemm il-pulizija jew l-avukat ġenerali ma jiddeċiedux li jħarrku lil xi ħadd quddiemhom. U jidher ċar li la l-pulizija u lanqas l-avukat ġenerali m’għandhom xi rieda li jħarrku lil xi ħadd.

Niftakru wkoll li l-gvern – għax hekk qabillu – neħħa maġistrat li fil-fehma tiegħu kien qiegħed juri li hu żelanti li jfittex il-verità, billi għamlu mħallef.

L-ittra tal-avukat ġenerali m’hi xejn ħlief stampa tat-taħwid li l-pajjiż jinsab fih. Grech isemmi l-awtonomija tal-inkjesta maġisterjali mingħajr ma jammetti li d-diskrezzjoni dwar x’għandu jsir wara l-konklużjoni tal-inkjesta tinsab f’idejh biss. Awtonoma kemm kienet awtonoma l-inkjesta tal-maġistrat, jibqa’ l-fatt li fl-aħħar mill-aħħar l-avukat ġenerali għandu s-saħħa imewwet kollox fuq ommu, jirrakkomanda x’jirrakkomanda l-maġistrat.

U minkejja dan jikteb għan-nom u bħala l-avukat tal-“Gvern ta’ Malta”. L-ittra stess turi li l-uffiċċju tiegħu jiffunzjona taħt il-kappa tal-Ministeru tal-Ġustizzja, dipartiment tal-fergħa eżekuttiva.

Ma jaħtix Peter Grech għall-kunflitt istituzzjonali li jeżisti. Din fil-fatt kienet ir-raġuni għala l-familja Caruana Galizia talbet it-tnedija ta’ inkjesta indipendenti. U għaddew tliet ġimgħat u din it-talba lanqas biss issemmiet minn Peter Grech.

Ma nistenniex kummentarju ħaj mingħand Peter Grech. Il-kelma “iva” kienet tkun biżżejjed.