Gustuż wisq dan Joe Brincat. Ħa l-briga biex jintervjeni fil-kawża kostituzzjonali li jien għamilt kontra Owen Bonnici fejn tlabt li l-ordni li dan ħareġ biex tiġi ċensurata protesta quddiem il-bini tal-qorti tammonta għal ksur tal-libertà tal-kelma. 

Għal min ma jafx, dan Joe Brincat huwa fost il-kittieba tal-istorja tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżna. Huwa wkoll fost dawk li fl-istorja glorjuża ta’ pajjiżna kemm il-darba qaleb l-affarijiet ta’ taħt fuq.

Kiteb l-istorja tad-drittijiet tal-bniedem meta fl-1987, eżatt fl-aħħar jum tiegħu bħala ministru fil-gvern ta’ Karmenu Mifsud Bonnici u nhar l-elezzjoni kruċjali tad-9 ta’ Mejju, iffirma ftehim f’isem Malta biex individwi jingħataw id-dritt li jagħmlu petizzjoni individwali lill-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem ta’ Strasburgu fuq ksur tad-drittijiet tal-bniedem li għad irid iseħħ.  

Ktibt il-kliem “li għad irid iseħħ” għaliex dik kienet l-intenzjoni ta’ Joe Brincat. Madankollu l-Qorti Ewropea ma tatx kasu u xorta waħda semgħet kawżi dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem li allegatmanet seħħew mill-1967 meta Malta kienet iffirmat il-Konvenzjoni. Dritt huwa dritt huwa dritt – dritt ma jsirx dritt meta Joe Brincat, Owen Bonnici jew xi ministru ieħor jiddeċiedu li jagħtuh.

Xi ħadd irreferieni għal dan il-post li Daphne Caruana Galizia kienet kitbet fl-2012. Malta kienet l-uniku pajjiż mill-punent firmatarju tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li ma kienx jippermetti liċ-ċittadini tiegħu jappellaw quddiem il-qorti ta’ Strasburgu dwar ksur tad-drittijiet tagħhom.

Joe Brincat serva għal snin twal f’gvernijiet li kienu ċaħħdu lil poplu minn dan id-dritt. U issa reħielha lejn il-qorti biex jitkellem dwar “partita nies li (hu) jista’ jippreżenta u li jkunu lesti jgħidu li ma jaqblux mal-issuktar tal-protesti quddiem il-bini tal-qorti”. Intervjena fil-kawża li għamilt għaliex, bl-istess mod kif kien ġab ruħu meta kien ministru tal-gvern, ma jistax iġerraħa li min ma jaqbilx miegħu għandu kull dritt li jitlob rimedju fil-qrati tagħna kontra l-aġir abbużiv tal-gvern tiegħu.  

U biex jipprova jieħu r-raġun, jivvinta stejjer u jigdeb li l-mafkar tal-Assedju l-Kbir kien ġie mgħotti mill-protestanti stess. Din l-istqarrija għandha mis-sewwa daqs kemm kellu mis-sewwa Joe Brincat meta, biswit il-mexxej tiegħu Alfred Sant, tela’ fuq palk biex jiċċelebra r-“rebħa tal-partnership” fir-referendum tal-2003 li tal-Labour kienu tilfu bil-kbir. Fi kliem ieħor, Joe Brincat, l-iswed iridna nsejħulu abjad. 

Kien Owen Bonnici, il-persuna li jien ħarrikt, li għatta l-mafkar tal-Assedju l-Kbir għal xejn b’xejn. Anke li kieku l-mafkar verament tgħatta biex jitqaxxru fdalijiet tax-xemgħa jew tal-kolla, kulma jeħtieġ huwa sagħtejn xogħol kif ikkonfermaw u spjegaw esperti f’din l-istorja mxandra fil-Lovin Malta.

U b’danakollu l-mafkar li għalih Joe Brincat tant taħarqu qalbu li jixtieq jarah mikxuf, issa ilu mgħotti kważi xahar sħiħ – mhux biex isir taparsi “tindif” – iżda biex jiġu ċensurati l-protestanti u jinżammu ‘l bogħod minnu. 

 Joe Brincat għandu jifhem ħaġa waħda dwar il-libertà tal-kelma kif imħarsa mill-Konvenzjoni Ewropea: id-dritt li wieħed jagħmel il-protesti politiċi ma jiddependix la mill-barka tiegħu, la mill-barka ta’ dawk li ma jaqblux magħhom u lanqas mill-barka tal-gvern.