Skont Chris Cardona s-salarji li nħallsu lill-membri tal-istaff tiegħu huma sigriet li m’għandniex dritt li niskopru. Qal ukoll lir-regolatur li mhux beħsiebu jaqsam dan is-sigriet miegħu biex dan ikun jista’, skont il-liġi, jevalwa aħna għandniex dritt għal din l-informazzjoni.

Chris Cardona qed iwaqqa’ għaċ-ċajt il-liġi tal-protezzjoni tal-informazzjoni. Qed iħallas lill-konsulenti tiegħu skont deals li jinżammu moħbija, biex qed iġib fix-xejn snin ta’ tmexxija miftuħa u trasparenti li kellna qabel ma hu u sħabu ħadu l-poter. Qed jinjora d-domandi tal-ġurnalisti u jisfida lir-regolaturi.

U ma teħodhiex bi kbira li qed jagħmel hekk. Għax tifel li jirnexxilu jeħlisha ħafif darba, jagħmel agħar id-darba ta’ wara. Cardona ħelisha ħafif meta uża l-liġi biex jipparalizza finanzjarjament ġurnalista fuq gidba tiegħu stess, kif turi d-deċiżjoni tiegħu li jirtira l-libell tal-Acapulco.

Imma li jgħaġġibni hu kif it-trolls jirnexxilhom jagħlqu għajnejhom quddiem dak kollu li qed jiġri madwarhom.

Kull darba li nitkellem jien, iqisuha pastażata u ‘jisfidawni’ niddikjara kemm qlajt flus “minn tal-Arriva”. Jidher li teżisti konfużjoni li jien kont naħdem għall-kumpanija tal-linja li rebħet il-kuntratt fl-istess ħin li kont naħdem għall-gvern. Dawn in-nies jassumu li l-kunflitti ta’ interess li huma mdorrijin bihom illum kienu aċċettabbli anke dak iż-żmien. Imma naturalment ma kinux.

Jien kont konsulent ta’ Ministru tal-gvern u s-salarju li kelli kien xi ħaġa pubblika. Il-kuntratt tiegħi tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati kif tpoġġew il-kuntratti tal-konsulenti tal-Ministri kollha. Li jsir xogħol privat dak iż-żmien lanqas biss kont toħlomha, għax ma kienx permess assolutament. Kif ma kinitx permessa lanqas kull parteċipazzjoni fil-proċess tal-għażla tal-kuntratti pubbliċi. Jien ma ltqajt qatt mal-Arriva fil-perjodu minn meta wieġbu għall-ewwel darba għas-sejħa għall-interess u ż-żmien wara li inizjalaw il-kuntratt mal-gvern. Ir-rwol politiku tiegħi kien jagħmilha impossibbli li b’xi mod nagħżel, ninnegozja jew saħanistra niltaqa’ – anke soċjalment – ma’ xi ħadd li kellu xi rabta magħhom jew mal-kompetituri tagħhom.

X’kuntrast hux, ma’ Joe Mizzi, li saħanistra qabad ajruplan u mar jiltaqa’ mal-kuntratturi fl-uffiċċji tagħhom stess, meta l-proċess tat-tenders kien għadu miftuħ.

Is-separazzjoni sħiħa bejn politika u negozju kienet regola sagrosanta li ġiet rispettata f’kull kuntratt li kont involut fih jien, fi 15-il sena naħdem mal-gvern.

U kuntrarju għall-każ tal-konsulenti ta’ Chris Cardona, id-dħul tiegħi kien fid-dominju pubbliku u l-kuntratt li kelli għadu aċċessibbli fir-rekords tal-Parlament.

Imma, għiduli intom, x’jiswa li jkollok it-trasparenza fit-tmexxija pubblika għal min jagħżel li jagħlaq għajnejh quddiem il-fatti? Ovvjament nies bħal dawn jippreferu l-oskurità biex iqisu kollox skont iċ-ċaħda tal-kejl morali li tberren il-ħin kollu f’moħħhom.

Ir-rifjut ta’ Chris Cardona li jwieġeb il-mistoqsijiet tat-Times of Malta dwar kemm aħna lkoll qed nimpalaw flus għall-konsulenti tiegħu huwa ċirku ta’ segretezza, kollużjoni u korruzzjoni ffinanzjata mill-poplu li jħallas it-taxxi.

Jien ma nafx jekk is-salarji li jitħallsu dawn il-konsulenti humiex raġjonevoli għax-xogħol li jagħmlu u l-esperjenza li għandhom. Sa fejn naf jien, jista’ jkun li mhumiex imħallsin bizzejjed. Imma l-punt hu li jien ma nafx u intom ma tafux lanqas. U mhux qed nitħallew insiru nafu.

Din qatt ma kienet xi ħaġa sigrieta. Saret sigriet meta Ministru li jżomm mistur fejn iqatta’ l-iljieli tiegħu meta jkun barra minn Malta fuq xogħol…li vvjaġġa b’mod estensiv u frekwenti minn fuq dahar il-poplu mingħajr m’għandu xejn x’juri għall-flus li nefaq u l-ħin li ħela…li żvojta minibars f’lukandi u tefa’ l-kont fuq il-gvern…li rajnieh diversi drabi ma jiflaħx joqgħod fuq saqajh fil-bars waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju, iddeċieda li din hija xi ħaġa oħra fil-lista li int għandek tħallas għaliha mingħajr ma għandek dritt tistaqsi aktar dwarha.