Lil Karl Stagno Navarra minn dejjem niftakru bħala bniedem midjun li kien ikollu ruxxmata kredituri fferoċjati jiġru warajh għall-ħlas. Għalkemm huwa giddieb mill-kbar, Karl kapaċi ħafna li jurik id-debba biex imbagħad – ħelu ħelu – jqabbiżlek il-ħmara. F’din il-gżira ċkejkna ilu għomru u żmienu jgħaddi ż-żmien bin-nies u jisraqhom ħajjin fl-istess ħin.

Meta sitta u għoxrin sena ilu bdejt naħdem mar-radju, Karl kien kollega tiegħi. Dak iż-żmien l-irjus tagħna u dik tal-imgħallem tagħna kien mimli xagħar. Fl-1992 l-imgħallem tagħna f’Bay Radio kien Joe Mifsud, li dak iż-żmien kien għadu qed jaħsibha jisseħibx mal-pulizija jew li jidħol għall-kors tal-liġi. Ftit snin ilu leħaq Maġistrat.

Dak iż-żmien jien kelli biss 16 il-sena u, ta’ tifel li kont, Karl Stagno Navarra kien jimpressjonani. Darba waħda wrieni biljett tiegħu li stampata fuqu kien hemm kuruna u l-kliem “Carlo Stagno dei Conti Moscati Navarra, Contino di Sarandola”. Bqajt skantat.

Kollega tagħna li jidhirli għadu sal-lum kollega tiegħu fis-Super 1, kien laqqmu bħala bniedem li jinqala’ ħafna għall-“karlati”. L-inkwiet jieklu bil-ħobż.

Kien hemm drabi meta ġejt wiċċ imb’wiċċ mal-kredituri fferoċjati tiegħu li ta’ sikwit kienu jiġi jħabbtu l-bibien tal-istudio ta’ Live FM fil-Furjana fejn jien u hu konna erġajna qed naħdmu flimkien.

Ħaġa tal-iskantament kif dan il-bniedem kien jidħol għal impjiegi differenti wieħed wara l-ieħor kompriż maż-żewġ partiti politiċi u dan minkejja r-reputazzjoni li għandu ta’ bniedem li ma fiħx ħobż u li ma tistax torbot fuqu.

Illum fuq NET news xandru storja dwar digriet ieħor tal-qorti li permezz tiegħu ġie orndat li jħallas somma lil kreditur li kienet ilha dovuta għal ħafna żmien u dan biex juru lit-telespettaturi dan Karl x’kwalita ta’ karattru għandu. Donnhom bħal speċi bdew igħorku jdejhom huma u jxandru din l-aħbar dwar persunaġġ li jidher ta’ spiss fuq it-televiżjoni ta’ istazzjon kompetitur.

Jingħad li Karl Stagno Navarra tgħidx kemm qiegħed jagħmel pressjoni biex jintagħżel bħala kandidat Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Minkejja l-livelli baxxi li għandhom tal-Labour, jidher li Karl xorta ma jgħaddix mill-għarbiel. Diġà għandhom magħhom bħala kandidat persuna li għandu kundanna tal-qorti mdendla fuq rasu fuq reat kriminali b’rabta mal-pornografija – persuna li nġabar mill-Labour mil-landa tal-iskart tal-PN. Nistgħu ninżlu aktar fil-qiegħ milli rnexxielna ninżlu?

Iżda b’xi ħadd bħal Karl Stagno Navarra ma tista’ qatt tkun taf biċ-ċert fejn għad jasal.