Rimarka li għadda l-bieraħ Adrian Delia li allaħares ikollna għalliema mill-Pakistan u mill-Bangladexx igħallmu “lit-tfal tagħna” ma saritx bi żball. Nirrabja meta nisma’ b’min jipprova jaqta’ min minn dawk ta’ madwar Adrian Delia din id-darba reġa’ għaxxaqha.
M’hemm ebda skuża għal min ilissen diskors razzist u ta’ mibgħeda bħal dan. U dan anki jekk tkun bniedem li tkun ilek maqtugħ ħajtek kollha mid-dinja ċivilizzata, tkun għext ħajja iżolata fejn għalik l-action movies Amerikani tas-snin 80 jammontaw għal “kultura”, tkun mingħalik li rajt id-dinja għax tmur spiss fuq l-Alpi, tkun mingħalik li l-akkwist ta’ dottorat fil-liġi mill-Università ta’ Malta jammonta għal “edukazzjoni” u mingħalik li l-falliment finanzjarju ta’ każin tal-football jammonta għal djalogu soċjali.
Jekk Adrian Delia jerġa’ jlissen il-kliem ‘jien m’jinix razzist,’ ikun qed igħid li hu giddieb.
Ir-rimarka li għadda jeħtieġ li naqrawha fil-kuntest li ntqalet. L-ewwelnett, ma hawn ħadd li qed jipproponi li għandhom jiġu hawn Malta għalliema min-naħa t’isfel tal-Asja biex igħallmu lit-tfal ta’ Adrian Delia, jew lit-tfal ta’ ħaddieħor.
Iżda dan m’huwiex il-punt. Il-punt hu li, grupp ta’ persuni mhux magħrufa u li probabbilment lanqas biss jafu b’Malta, ġew impinġija qishom il-babaw f’storja mfassla minn Adrian Delia. U dawn ġew impinġija b’dan il-mod appuntu minħabba r-razza tagħhom. Razziżmu 101.
Adrian Delia allura pprova jbeżża lill-udjenza ta’ quddiemu bin-nies mill-Pakistan u mill-Bangladexx li, għal raġunijiet li jafhom hu biss, m’għandhomx jitħallew jersqu lejn it-tfal tagħna.
Possibbli Adrian Delia huwa tal-fehma li għalliem mill-Bangladexx m’huwiex kapaċi daqs ħaddieħor li jgħallem lit-tfal tagħna, mhux għax ma jkollux il-ħiliet meħtieġa, iżda minħabba l-post li twieled fih? Tgħid Adrian Delia f’żogħżitu kellu xi esperjenza qarsa ma’ xi għalliem min-nofsinhar tal-Asja?
Diskors mimli preġudizzju razzjali u mibgħeda bħal dan m’għandu jingħad f’ebda ċirkostanza. U l-fatt li dan id-diskors ingħad mill-mexxej tal-Partit Nazzjonalista ma jista jagħti ebda grad ta’ leġittimità lir-razziżmu. Adrian Delia mingħalih li qed ilissen diskors li n-nies jixtiquh igħid. Bħallikieku l-preġudizzji razzjali mhux minn dejjem kienu magħna u bħallikieku l-mexxejja ta’ qablu ma kinux minn ta’ quddiem nett fil-ġlieda kontra r-razziżmu u li f’diskorshom dejjem ippridkaw favur il-bwonsens u l-imġieba ċivili.
Jekk Adrian Delia verament jemmen dak li jlissen minn fommu meta jitkellem b’din il-manjiera, allura jfisser li huwa bniedem parrokkjali u bigotta li libes żarbun politiku li ċertament ma jiġieħx. Jekk, mill-banda l-oħra, jitkellem bl-addoċċ bil-għan li jkollu ċ-ċapċip, juri li mhux biss m’għandux il-ħila li jattira ċapċip mingħajr ma jintilef f’dagħdiha ta’ preġudizzji razzjali, iżda lanqas m’hu ser ikollu l-ħila li jmexxi pajjiż u li, bħala prim ministru, jieħu dawk id-deċiżjonijiet ibsin li jkunu meħtieġa fil-qadi ta’ dmirijietu.
Hemm min igħidli li jekk irrid nara lil Joseph Muscat barra minn Kastilja, jeħtieġ li lil Adrian Delia nħallih bi kwietu. Fid-dinja m’hemm xejn li hu faċli u rrid nagħmilha ċara li lanqas min jidhirlu li nies li għandhom karnaġjon skur m’għandhom jiġu fdati mat-tfal ma jixraqlux ikun f’Kastilja.
Jekk niskot, insir kompliċi ma’ dan id-diskors tal-mistħija.