Meta ħarġet l-inkjesta dwar l-Egrant Konrad Mizzi, kuntent kuntent, indirizza l-kamera mixtrija mill-ministeru u ħareġ jgħid li l-inkjesta għamlet ġustizzja miegħu. Sintendi, minn dan kollu m’għamlet xejn. Ma kellha x’taqsam xejn miegħu. Ma saret l-ebda inkjesta dwar għalfejn fetaħ kumpanija l-Panama, dwar għalfejn wiegħed li minnha se jiddepożita l-miljuni f’banek off-shore, dwar għalfejn iffirma ma’ kumpanija f’Dubai biex jirċievi pagamenti regolarment, u dwar għalfejn iddeċieda, kontra kull loġika li jidħol f’kuntratt mal-Ażerbajġan biex jipprovdu l-fjuwil bil-mod kif għamel hu jew għalfejn daħal f’kuntratt ma’ Shanghai Electric u ffirma ftehim ma’ raġel li wkoll fetaħ kumpanija sigrieta permezz ta’ Nexia BT.
Konrad Mizzi jixtieq itajru min-nofs dan kollu. Imma hawn għadu.
Keith Schembri makakk wisq biex jindirizza kamera, anki waħda li tixtri minn kwalunkwe ħanut u li żżommha fl-uffiċċju. Iżda x-xewqa li jtajjar min-nofs il-kixfiet skandalużi dwar il-bużullotti maħmuġin tiegħu xejn mhi inqas minn tal-ieħor.
Illum il-qorti qatgħetha li tħallas id-danni għal-libell lil Keith Schembri u lis-sieħeb fin-negozju tiegħu, kif ukoll lill-accountant Brian Tonna u lill-kumpanija tiegħu; din qed tiġi ppreżentata bħala ġustizzja u b’xi mod prova li ma kien hemm ebda aġir ħażin. Li bla dubju mhu veru xejn.
Nammetti li d-deċiżjoni tal-qorti llum tħawwadni. Tidher, tal-inqas mir-rapporti li qrajt dwarha fl-istampa, li hija inqas interessata fil-fatti u fir-rapporti dwarhom u iktar interessata fil-kummenti mhux regolati tal-verżjoni online ta’ The Malta Independent.
Dik id-deċiżjoni wieħed irid jifliha, speċjalment xi ħadd bħali li xogħlu huwa li jipprovdi spazju fejn in-nies jiddibattu u li jħeġġeġ lin-nies jeżerċitaw id-dritt li jitkellmu u li jikkritikaw lil dawk fil-poter.
Iżda wieħed irid jistudja sew id-deċiżjoni qabel jikkummenta dwarha u forsi anki nistennew jekk l-avukat tal-Malta Independent jappellax id-deċiżjoni. Il-Malta Independent tal-lum hija gazzetta differenti ferm minn dik li kienet meta kienet tippubblika l-istejjer li fittxewha għalihom f’dal-każ.
Imma ejja niċċaraw ftit l-affarijiet. Id-deċiżjoni dwar il-libell kienet dwar inkjesta lill-HSBC għal dokumenti li ħarġu fuq karti ħżiena. Kienet dwar jekk il-bank iddeċidiex li jinvestiga dak li ġara jew le u dwar jekk il-kummentaturi online tal-Malta Independent għaddewx kummenti prematuri li setgħu għamlu ħsara lir-reputazzjoni ta’ Keith Schembri, hi kif inhi.
Il-libell ma kienx dwar jekk hux minnu jew le li Keith Schembri fetaħ kumpanija fil-Panama fl-ewwel ġimgħa mindu nħatar iċ-chief tal-uffiċċju ta’ Joseph Muscat. Il-libell ma kienx dwar jekk hux minnu jew le li ffirma dokumenti li jwegħdu lill-banek li se jkun qed jiddepożita balal kbar ta’ liri għal dik il-kumpanija. Il-libell ma kienx dwar jekk hux minnu jew le li kkommetta ruħu li se jirċievi mijiet ta’ eluf regolarment, daqs kemm nixtri l-ħalib jien regolarment, minn kumpanija fid-Dubai li sal-lum għadna ma nafux ta’ min hi.
Ma jistgħux jinħelsu minn xi ħaġa li ma ġew akkużati biha quddiem l-ebda qorti.
Ara ġejja l-isfida għalik, Keith Schembri: irtira l-ġlieda tiegħek fil-qrati biex twaqqaf il-pulizija milli jinvestigaw lilek u r-revelazzjonijiet dwarek fil-Panama Papers u naraw jekk il-qrati jagħmlux ġustizzja miegħek imbagħad.
U lilek Brian Tonna: waqt li tipprova taħsel il-kuxjenza fil-proġett tal-karità ta’ Brian Formosa – għax mid-dehra Nexia BT se tagħti d-danni li rebħet lil kawża ġusta – imissek tikkunsidra titolbu l-istess ħaġa lill-avukat tiegħek
Sakemm bħal Chris Cardona, tkomplu tinqdew bis-saħħa eżekuttiva, politika u finanzjarja biex taħarbu mill-ġustizzja, aħna jkollna nassumu l-affarijiet waħidna. Uħud minna jassumu b’vuċi għolja, bir-riskju li niffaċċjaw il-konsegwenzi inġusti ta’ penali quddiem il-qorti ċivili.