Wara l-ammissjoni imbarazzanti ta’ Edward Scicluna meta wera’ ma kienx xamm l-implikazzjonijiet tal-messaġġ ta’ Vera Jourova li l-Kummissjoni Ewropea kienet ser iġġiegħel lil Malta tikolha minħabba n-nuqqasijiet serji li sabu fir-regolamentazzjoni bankarja, in-nies ta’ taħtu – nies imħallsin minni u minnek biex ifiehmuh dak li ma jkollux il-ħila jxomm hu – għalenija tkellmu mal-istampa lokali biex jippruvaw igħattulu xturu u fl-istess waqt jgħattu xturhom stess.
Fl-istorja li xxandret il-bieraħ f’The Malta Independent on Sunday, dawn il-persuni li isimhom mhux magħruf qalu li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet bħal “sejjetta fil-bnazzi”. Dawn komplew igħidu li “irridu naraw għaliex ħadu din l-azzjoni mingħajr ma ħassew il-ħtieġa li jikkonsultaw mal-gvern”.
Dawn jidher li ma xammewx li l-Kummissjoni Ewropea kienet ħadet deċiżjoni politika mingħajr preċedent li permezz tagħha twarrbu ħesrem ir-regolaturi Maltin tal-banek għax kunsidrati li m’għandhomx il-ħila li jħarsu lill-Ewropa mill-ħasil ta’ flus maħmuġin. Din hija deċiżjoni mill-aktar gravi u trid tkun ta’ sebgħek f’ħalqek biex tmur tgħid li kienet bħal sajjetta fil-bnazzi.
Edward Scicluna u sħabu messhom ilhom żmien twil li xammew x’kien ġej. L-aħbar dwar l-iskandlu tal-Pilatus Bank daret mad-dinja kollha. Ma jfissirx li għax hawn Malta irnexxielhom inessu t-taħwid ta’ dak li stieden lil Joseph Muscat għat-tieġ tiegħu u ta’ dak li hu wkoll il-bankier ta’ Keith Schembri u John Dalli, kien se jirnexxielhom jagħmlu l-istess ħaġa mal-bqija tad-dinja.
Iżda l-verità hi li, għallinqas fuq il-karta, l-politiċi suppost għandhom jingħataw pariri tajbin mill-impjegati tas-servizz ċivili li jkunu jafu eżattament x’inhu jiġri.
U din l-istorja li xandret il-Malta Independent m’għamlet xejn ħlief uriet l-impjegati ta’ Dar Malta fi Brussell ma kellhomx l-iċken idea li l-Kummissjoni kien bi ħsiebha tmexxi kontra Malta. Jewwilla ħasbu dawn li l-Kummissjoni kienet se tibgħat tgħidilhom x’kien bi ħsiebha tagħmel? Jekk ħasbu hekk, qed juru li huma bla ħila u jkun aħjar jekk jiġu lura Malta u jagħmlu xogħolhom minn hawn.
Dawn l-impjegati li jgħixu Brussell ma jingħatawx il-paga fenominali li għandhom ta’ xejn. Suppost qegħdin hemm biex ikunu l-widna ta’ Malta fil-Kummissjoni Ewropea, fost l-impjegati tal-istati membri l-oħrajn, fost il-lobbies, fl-istituzzjonijiet, fost l-interest groups u fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. U minn hawn kienu jkunu f’pożizzjoni li jintebħu dwar dak li qed jaħsbu n-nies, dwar ir-regolatur Malti tal-banek u dwar l-aġenzija ta’ kontra l-ħasil tal-flus. Fi kliem ieħor kienu jkunu jsiru jafu x’kien bi ħsiebha tagħmel il-Kummissjoni ferm qabel ma saret taf il-Financial Times.
U mid-dehra, ġaladarba kienu dawn l-impjegati li kellmu lill-Malta Independent, dawn bħal donnhom ippruvaw ifittxu l-kenn mir-rabja tal-politiċi ta’ fuqhom. Ir-Rappreżentant Permanenti Daniel Azzopardi se jkollu biċċa xogħol mhux ħażin biex jispjega għaliex kien hemm dawn in-nuqqasijiet kollha.
Għandi nifhem li l-prim ministru beda’ joqmos meta ntebaħ li tal-Financial Times kienu għamlu x-xogħol li suppost għamel ir-Rappreżentant Permanenti tiegħu.