Din l-istorja mxandra minn The Guardian tispjega kif Christian Kaelin ta’ Henley & Partners, wara li rranġa biex jiġu finanzjati partiti politiċi, kien ingħata kuntratti esklussivi minn gvernijiet ta’ gżejjer fil-Karibew biex ikun jista’ jbiegħ il-passaporti tagħhom. Kien jaħdem id f’id ma’ SCL (li eventwalment ħolqot il-Cambridge Analytica) u, għalkemm jiċħad li fil-fatt ħallas hu stess il-kontijiet ta’ partiti politiċi, ma jeskludix li setgħu għamlu dan klijenti sinjuri minn tiegħu.
Il-Partit Laburista ta’ Malta jiċħad li miegħu saru affarijiet simili qabel l-2013. Iżda huwa fatt li, qabel tmiem dik is-sena, Henley & Partners kienu ngħataw l-istess arranġament esklussiv li kellhom ma’ diversi repubbliki tal-banana fil-Karibew.
Għejjun minn partiti politiċi f’dawk il-pajjiżi tkellmu ma‘ The Guardian. U diversi xhieda ta’ dak li kien jiġri fil-famuż raba’ sular taċ-Ċentru Laburista baqgħu siekta. S’issa.
Christian Kaelin igħid li hu innoċenti. Huwa jpinġi lilu nnifsu bħala xi evanġelista jew bħala xi ħellies ta’ dinja mjassra minn fruntieri li huwa qiegħed jieħu ħsieb biex jeqred. Iżda min jeħles lill-biljunarji u jirċievi l-miljuni mingħandhom biex iżidilhom mal-privileġġi li diġà għandhom, m’huwa ħellies xejn. Il-passaporti li jinbiegħu lill-biljunarji ma’ jneħħu ebda jasar u ma jixgħelu ebda torċa tal-libertà.
Eżatt bħal Ali Sadr Hasheminejad tal-Pilatus Bank u bħal Alexander Nix ta’ SCL, Christian Kalin issa qed igawdi l-frott ta’ din l-iskema grandjuża li hu jpinġi bħala waħda innovattiva, eċċitanti u ta’ benefiċċju.
Iżda bħalma ġara’ qabel kollox beda’ jmur żmerċ, ir-re tal-passporti issa għandu futur inċert.