It-telespettaturi tal-One TV, tal-Labour jinsabu għajnejhom fuqhom. L-istejjer li kienu xxandru f’April li għadda minn France 2 dwar Chris Cardona bdew jikkonfondu lil uħud minn dawn it-telespettaturi issa dawn l-istejjer reġgħu ġew ikkonfermati ftit jiem ilu biż-żjieda ta’ aktar fatti minn La Repubblica.
Jidher li f”April tal-Labour b’mod jew ieħor setgħu jinjoraw l-istejjer li, f’xi żmien bejn il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-arrest ta’ Alfred Degiorgio, Chris Cardona kien iltaqa’ ma’ Degiorgio fil-Ferdinand’s Bar. Fil-fatt din l-istorja ftit taw każha.
Iżda issa jidher li l-affarijiet qabdu n-niżla. Iċ-ċaħdiet ta’ Chris Cardona m’humiex jitwemmnu. U l-bieraħ, il-mezzi tax-xandir tal-Labour ħarġu bi storja ġdida li hi differenti minn dik li xxandret f’The Malta Independent on Sunday il-Ħadd li għadda fejn ippruvaw joħolqu realtà alternattiva li fiha f’Ottubru 2016 Pierre Darmanin ma’ kienx ċempel lil Chris Cardona bejn it-telefonati li kienu saru lil Daphne Caruana Galizia u lil Alfred Degiorgio.
Din id-darba tal-Labour kien jeħtieġ li jimmiraw fuq dawk li jinsabu konfonduti u li qed jistaqsu din il-mistoqsija: Chris Cardona għaliex iltaqa’ ma’ Alfred Degiorgio qabel l-arrest ta’ dan tal-aħħar?
Malli tisma’ dikjarazzjoni bħal din, wieħed jistenna li jkun hemm xi ħadd jew xi wħud, saħansitra anki għejjun anonimi, li jgħidu li kienu segwew filmat għal 24 siegħa sħaħ (jew għaż-żmien kollu li għadda bejn il-qtil u l-arrest) li jinkwadra l-uniku bieb li Ferdinand’s Bar għandu għal barra u li setgħu jilmħu lil kull min daħal u ħareġ mill-ħsnut u li ebda wieħed minn dawn ma kien Chris Cardona.
Iżda meta mbagħad taqra’ r-rapport tinduna li m’hemm xejn minn dan.
U l-istorja tikkonferma li l-għejjun ta’ One TV qatt ma segwew lil dan il-filmat. Semgħu biss li jeżisti dan il-filmat u daqshekk.
Biex inkunu ċari, l-alibi li supppost għandu Chris Cardona jikkonsisti f’filmat li l-mezzi tax-xandir tal-Labour (jew l- għejjun tagħhom) qatt ma rawh u li ma teżisti ebda prova li dan il-filmat – li fih suppost Chris Cardona ma jidher imkien – fil-fatt jeżisti.
X’ironija! Dan kollu ġej mingħand dawk li xebgħu iwerżqu ‘fejn huma l-provi’?
Allura dan il-filmat li tal-One TV (jew l-għejjun tagħhom0 għadhom qatt ma raw, suppost rah min f’Diċembru 2017 kien qed imexxi l-inkjesta fiż-żmien meta kien sar l-arrest. U meta l-pulizija talbu biex jaraw il-filmat, kienu ġew infurmati minn sid il-kameras li permezz tagħhom kien suppost inġibed, li dan ma kellu f’idejh ebda filmat li kien suppost inġibed dak iż-żmien għaliex kien tħassar awtomatikament peress li kien għadda ħafna żmien.
Dan ifisser li l-pulizija li tkellmu ma’ One TV qatt ma raw xi filmat li suppost ma jinkwadrax lil Chris Cardona.
Allura x’għamlu l-pulizija? Nistaqsi: lil Chris Cardona bgħatu għalih biex jistaqsuh fejn kien fit-48 siegħa qabel l-arrest ta’ Alfred Degiorgio? Minflok fittxew filmat li ma jinkwadraħx, liema filmat ma jeżistix, il-pulizija fittxew xi alibi pożittiv? Fejn kien dakinhar? Fejn raqad? Ma’ min kien raqad? Jeżisti filmat li jikkonferma l-istorja ta’ Chris Cardona?
Għax għalkemm ir-rapport tal-One TV igħid li l-pulizija għamlu tfittxija għal filmat li ma jinkwadrax lil Chris Cardona fis-Siġġiewi, ma jidhirx li għamlu tfittxija għal filmat li jinkwadra lil Chris Cardona band’oħra.
Ir-rapport ta’ One TV ċertament ma xxandarx b’riżq il-ġurnaliżmu. Ejjew nanalizzaw ftit x’hemm eżatt wara x-xandir ta’ din l-istorja.
Tal-Labour jinsabu nkwetati li mhux qed jirnexxielhom jeliminaw dubji f’moħħ il-partitarji tagħhom dwar ir-rabtiet mill-qrib li Chris Cardona għandu ma’ qattiela u, f’dan il-każ, qtil li – wieħed jista’ jargumenta – hu seta’ kellu kull motiv li jiżgura li jseħħ. Huwa ċar li tal-Labour iridu jagħtu lill-partitarji storja alternattiva ma xiex jistgħu jiggranfaw sabiex min għad għandu d-dubji jberrnu f’moħħu jkun jista’ jgħid li “hemm filmat li juri li Chris Cardona ma kienx hemm”.
Madankollu l-fatti juru li dan il-filmat ma jeżistix.
Chris Cardona ilu minn April ifittex alibi u hu jaf sew li dan l-alibi ma jeżistix. Dan lanqas jammonta għal evidenza negattiva u huwa biss diskors dwar xi ħaġa li ma teżistix li ma turi xejn. Hija biss negazzjoni tan-negattiv.
Għall-bidu kien qed igħaddiha lixxa meta injora dan kollu. Iżda wara li La Repubblica qabditu jigdeb u wrietu li m’għandux wara xiex jinħeba, induna l-ingassa kienet bdiet tagħfas.
Minn din l-istorja, hemm ukoll xi ħaġa li hi aktar importanti. Skond l-istorja, il-Maġistrat Anthony Vella — li dak iż-żmien kien il-Maġistrat Inkwirenti dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u li llum jinsab elevat bħala Mħallef – promozzjoni li minħabba fiha kellu jabbanduna l-inkjesta — kien mexxa l-inkjesta li rat il-filmat li setgħet twarrab kull suspett minn fuq Chris Cadona. Iżda l-pulizija, għal ġieħna, dan il-filmat qatt ma ratu.
Meta għamlu t-tfittixja għall-filmat, il-pulizija ma marrux għand il-Maġistrat li, skond l-istorja, suppost kien fil-pussess tiegħu. Għamlu t-tfittxija għall-filmat għand min kien ġibdu u ma sabu xejn.
L-istorja tammetti li l-pulizija qabdu triq differenti minn dik li qabdet l-inkjesta kriminali. Filwaqt li permezz tal-inkjesta kriminali, l-maġistrat għandu l-libertà li jgħarbel kull prova u jgħarbel ukoll fejn dawn il-provi jistgħu iwasslu, inklużi f’imkejjen politiċi, il-pulizija hija interessata biss li tfittex ir-raġunijiet kollha biex tagħmel il-bsaten fir-roti.
Qatt ma kien hemm dubju dwar x’kienet ir-raġuni vera wara l-promozzjoni tal-Maġistrat Anthony Vella. Il-gvern ma elevaħx minħabba l-kwalitajiet tiegħu. Kien biss imwerwer li l-inkjesta tiegħu setgħet twassal biex tixħet lill-gvern f’inkwiet serju.
Iżda rridu niftakru li l-istorja li kienet xandret France 2 dwar Chris Cardona, Alfred Degiorgio u l-Ferdinand’s Bar kienet ixxandret qabel ingħatat il-promozzjoni lil Anthony Vella. Dak li qed jinkwetahom huwa l-fatt li, wara li seħħet dik il-promozzjoni – ħaġa li għalihom dak iż-żmien dehret bħala idea brillanti – lill-inkjesta xorta ser ikollhom jippruvaw jagħmlulha l-bsaten fir-roti bil-għajnuna ta’ pulizija magħżulin.
Li kieku l-gvern kellu storja kredibbli li biha seta’ jmeri l-istejjer ta’ France 2 jew ta’ La Repubblica, kien jara kif jagħmel biex imeri l-istess stejjer fuq France 2 jew fuq La Repubblica stess. Iżda għar-raġunijiet li semmejt hawn fuq, dawn bir-raġun ma kinux lesti jxandru storja li fil-fatt ma tfisser xejn u jtuha preferenza fuq xhieda okulari li għandhom f’idejhom huma.
Tal-iskantament huwa l-fatt li tal-Labour lanqas biss irnexxielhom iġiegħelu lil tal-Malta Today jew ta’ The Malta Independent ixandrulhom l-istorja tagħhom.
Meta tasal f’estremità li jkollok bżonn l-istazzjon televiżiv tiegħek stess biex tipprova tikkonvinċi lin-nies li ma kellekx x’taqsam ma’ assassinju, dahrek ikun wasal biex imiss mal-ħajt.