Ittantaw jużaw il-One TV iżda l-qaddej tagħhom Saviour Balzan seta’ jaqdihom aħjar.

Dawn qed igħidu li x-xhud li lil tal-istazzjon France 2 kien qalilhom li kien ra lil Chris Cardona jkellem lil Alfred Degiorgio qabel dan kien ġie arrestat, issa lill-Pulizija qalilhom li kien gideb.

X’inhu dak li jindikalek li giddieb ikun qed jigdeb? Meta jwiegħdek li qed igħidlek is-sewwa? X’inhu dak li jindikalek li xhud tkun tista’ torbot fuq dak li jgħid? Meta xhud ikun jaf li dak li se jgħid mhux se jġib miegħu xi konsegwenzi jew meta l-konsegwenzi ta’ dak li jgħid jistgħu jġibulu magħhom il-konsegwenzi?

Din il-ġimgħa, ġurnalista Taljan qalli li xtaq ikun jaf jekk jistax ikellem lix-xhieda li kienu kellmu lil France 2. Jien weġibtu li dawn ix-xhieda jien ma nafx min huma u li wisq inqas naf kif u fejn jistgħu jiġu kuntattjati. Weġibtu wkoll li għandi għalxiex nassumi li dawn ix-xhieda mhux se jkunu ħerqana li jerġgħu jitkellmu. Wara kollox, meta f’April li għadda dawn kienu tkellmu, ma kien ġara’ xejn: dawn kienu mplikaw ministru tal-gvern minħabba r-rabtiet li għandu ma’ assassin u l-ministru baqa’ għaddej b’xogħlu bħallikieku ma’ kien ġara’ xejn.

U x-xhieda li jintebħu li fil-fatt tkellmu dwar persuni li jistgħu ikunu mdaħħlin fi qtil ta’ persuna oħra li kienet xewka f’dahrhom: taħsbu li dawn se jkunu jridu jibqgħu jitkellmu malli jintebħu bil-periklu?

Barra minn hekk, l-istorja li xandret il-Malta Today turi li nbeda’ proċess biex dawn ix-xhieda jiġu mġiegħla jgħidu li reġa bdielhom dwar dak li kienu kixfu. Dan diġa’ seħħ waqt interrogazzjoni mill-pulizija f’investigazzjoni li fiha, kif irrappurtat il-Malta Today stess, l-pulizija hija aktar moħħa biex tiskredita provi miġbura mill-inkjesta Maġisterjali milli li ssib tarf tal-kwistjoni.

Daqskemm lil Chris Cardona ħadd m’għandu dritt isibu ħati ta’ xi reat kemm il-darba dan ma jgħaddix minn proċess skond il-liġi, daqstantieħor ħadd m’għandu dritt li joqgħod jara x’raġunijiet se joqgħod jivvinta biex lil Chris Cardona dan il-proċess skond il-liġi jipprova jiffrankahulu.

Fis-Sunday Times of Malta tal-lum, Steve Mallia jwissi lill-qarrejja tiegħu kontra l-ġurnaliżmu tal-attivisti. Lili ma jsemmini b’ismi mkien iżda jidher ċar li qed jirreferi għal din il-website. Mallia kiteb li kemm l-attiviżmu u l-blogging m’huma xejn ħlief atti ta’ ipokresija li tant iqarrqu bil-qarrejja li lil dawn iġiegħluhom jaħsbu li dak li jinkiteb jqarribhom lejn il-verità. Mitt bniedem, mitt fehma.

Iżda bħala alternattiva għall-attivisti/bloggers, hemm il-mezzi tax-xandir tal-partiti politiċi li l-bieraħ wasslulna l-istorja tal-filmat li ħadd qatt għadu ma ra li suppost ma jindikax fejn kien Chris Cardona lejliet l-arresti li kienu saru dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Teżisti wkoll alternattiva oħra: Saviour Balzan li, taħt il-kappa tat-taparsi indipendenza, jiftaħ attakk fuq xhud li bidel il-verżjoni ta’ storja dwar ras kbira li ssemma’ b’rabta ma’ qtil u li, 6 xhur wara, għadu, fil-kariga.

Hemm ukoll għażla oħra. Ġurnal bħalma kien dak li Steve Mallia kien l-editur tiegħu, jiġifieri The Sunday Times of Malta immexxi minn Adrian Hillman li dak iż-żmien kien baxx baxx qed igawdi minn €650,000 mħallsin minn Keith Schembri u li issa qed jaħdem bħala konsulemt tal-gvern u mħallas b’salarju oħxon. Dak iż-żmien ma kienx isir diskors dwar ipokresija għax ħadd ma kien jaf x’kien għaddej minn taħt. Li hu żgur hu li t-tfittxija tal-verità hi biċċa xogħol iebsa u l-aġendi moħbija tal-propagandisti li jilbsu l-libsa ta’ ġurnalisti  — wħud motivati mill-korruzzjoni u oħrajn mill-entużjażmu biex jaqdu partit politiku – iwasslu l-verżjonijiet tagħhom tar-realtà u jispiċċaw biex  iħawwdu l-imħuħ.

Il-fehmiet tiegħi qatt ma ħbejthom għalkemm Steve Mallia fil-kitba tiegħu iwissi dwar dak li wieħed jista’ jistenna li jaqra’ dan il-blog. Bħallikieku jien qed naħbi xi ħaġa. Meta fil-fatt ma jien naħbi assolutment xejn.

Steve Mallia jwissi dwar Saviour Balzan? Iwissi dwar dawk il-membri tal-korp tal-pulizija li xogħolhom jidher li hu dak li jiskreditaw lil dawk ix-xhieda li jixhdu kontra l-ħbieb tagħhom jew kontra s-sidien politiċi tagħhom?

U f’din il-konfużjoni kollha, x’tistenna li għandu jagħmel dak ix-xhud li kien ra lill-ministru jieħu grokk ma xi ħadd li l-għada jkun sema’ li kien ġie arrestat u akkużat bi qtil? Li jaċċetta l-konsegwenzi li kellhom jiffaċċjaw xhieda oħrajn li xehdu kontra l-interessi ta’ dan il-gvern minkejja li ħadd minnhom ma implika rabtiet ma’ qtil fl-istqarrijiet tagħhom? Jew inkella lill-pulizija jgħidilhom eżatt dak li jixtiequ jisimgħu: li kien gidbilhom u li issa jkun jista’ jserraħ rasu li jħalluh bi kwietu?