Hemm żewġ stejjer importanti fil-ħarġa tal-lum tat-Times of Malta li jeħtieġ li jingħataw ċerta attenzjoni.

F’paġna 4 tal-edizzjoni stampata tal-ġurnal, hemm ir-rapport ta’ Ivan Camilleri dwar il-kritika li qala’ l-Ministru Evarist Bartolo mingħand il-Maġistrat Ian Farrugia talli dan naqas li jaġixxi meta kellu f’idejħ informazzjoni dwar korruzzjoni ta’ impjegat fil-ministeru tiegħu. Din l-istorja tittratta dwar Edward Caruana, galoppin tal-ministru, li dwaru għal kważi sena sħiħa Evarist Bartolo kellu f’idejħ provi dokumentati dwar korruzzjoni u minflok kixifha, għattiha. M’għandniex xi ngħidu, Evarist Bartolo għadu sal-lum jokkupa l-kariga ta’ Ministru.

Il-Maġistrat Ian Farrugia kellu wkoll kliem ta’ kundanna għall-pulizija li, minflok mexxew bil-qorti kontra l-uffiċjal korrott, mexxew kontra  l-whistleblower li kixef il-korruzzjoni. Il-pulizija ħarrket lill-whistleblower fil-qorti, iżda l-Ministru li mpjega, ta’ l-kenn u għatta l-korruzzjoni ta’ dan l-uffiċjal, għaddieha lixxa. Il-Maġistrat semma’ wkoll lil Clint Camilleri, illum segretarju parlamentari, li fiż-żmien meta nkixfet il-korruzzjoni kien il-perit involut f’wieħed mill-proġetti mċappsin bil-korruzzjoni.

Nirrikonoxxi li nies rgħiba u korrotti bħal Edward Caruana kien hemm u ser jibqa’ jkun hemm, indipendentement minn min ikun fil-gvern. Iżda hawn għandna problema mhux tas-soltu fejn insibu politiċi jgħattu d-dnubiet u x-xtur tal-ħbieb korrotti tagħhom u l-pulizija tirrifjuta li tiċċaqlaq.

Aqraw l-istorja mxandra fit-Times of Malta ta’ dalgħodu.

Issa pparagunaw din l-istorja mal-istorja ta’ Ivan Martin imxandra fil-paġna ta’ quddiem dwar żewġ inkjesti maġisterjali fuq “l-iskandlu tat-tonn”. Huwa beda’ jirrapporta dwar dan l-iskandlu l-Ħadd li għadda u llum xandar aktar dettalji u semma’ l-involviment ta’ uffiċjal pubbliku li ismu ma ssemmiex li jidher li kien ta daqqa t’id biex it-traffikkar fuq il-baħar isir mingħajr xkiel.

Milli jidher, f’dan il-każ, il-politiċi kienu waqqfu deċiżjoni amministrattiva li kienet ittieħdet (biex tiżdied sew il-kwota tat-tonn) meta saru jafu biha. Sa hawn, kollox sew. Iżda mbagħad ħadu xi azzjoni oħra? Il-pulizija l-inċident investigatu? Ġie sospiż u nvestigat l-impjegat imdaħħal fil-kwistjoni? Il-pubbliku ġie nfurmat li l-gvern tiegħu seta’ kien involut fi skandlu tat-tonn li jiswa’ aktar minn €20 miljun fis-sena?

Sirna nafu b’dan l-iskandlu għaliex il-pulizija Spanjola qed tinvestiga dan il-każ ukoll u qed jieħdu l-passi permezz tal-awtoritajiet fi Spanja. U bis-saħħa ta’ dan, l-awtoritajiet lokali ma kellhomx għażla ħlief li jiċċaqilqu wkoll. Ġaladarba ġew involuti l-Maġistrati lokali, il-pulizija ta’ Malta kellha timxi pass pass mal-awtoritajiet tal-pulizija barranin.

Mhux l-ewwel darba li ġrat ħaġa bħal din: fil-każ tas-serq ta’ flejjes tal-kumpannija monopolistika taż-żejt fil-Veneżwela min-naħa tal-familja tad-dittatur ta’ dak il-pajjiż; u l-każ fejn l-FBI ġabret lil Ali Sadr u qaflitu l-ħabs wara li kien ilu jħuf bil-libertà kollha f’pajjiżna bħallikieku Malta kienet tiegħu.

Il-korruzzjoni tinsab fil-qalba tal-amministrazzjoni tal-pajjiż u l-istituzzjonijiet li huma responsabbli li jeqirduha la għandhom ir-rieda u lanqas is-saħħa li jieħdu azzjoni.