Mill-ktieb ta’ Koħelet

3 Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema:

2 Żmien li titwieled, u żmien li tmut; żmien li tħawwel, u żmien li taħsad l-imħawwel;

3 żmien li toqtol, u żmien li tfejjaq; żmien li ġġarraf, u żmien li tibni;

4 żmien li tibki, u żmien li tidħak; żmien li tagħli, u żmien li tiżfen;

5 żmien li tarmi l-ġebel, u żmien li tiġbru; żmien li tgħannaq, u żmien li tiċċaħħad mit-tagħniq;

6 żmien li tikseb, u żmien li titlef; żmien li terfa’, u żmien li tarmi;

7 żmien li tqatta’, u żmien li ssewwi; żmien li tiskot, u żmien li titkellem;

8 żmien li tħobb, u żmien li tobgħod; żmien it-taqbid, u żmien il-paċi.

9 Xi qligħ għandu l-bniedem mix-xogħol li jagħmel?

10 Jiena rajt ix-xogħol li Alla ta lil ulied il-bniedem biex ikollhom fiex jedhew. 

11 Kollox għamel tajjeb f’waqtu; nissel ukoll sens ta’ l-imgħoddi u l-ġejjieni f’moħħ il-bniedem, iżda bla ma dawn jirnexxilhom jikxfu x’jagħmel Alla mill-bidu sat-tmiem.

12 Hekk fhimt li għall-bnedmin m’hemmx aħjar milli jkunu ferħana u jgawdu ġidhom f’ħajjithom. 

13 Għax li wieħed jiekol u jixrob u jduq mill-frott ta’ xogħlu, dan ukoll hu don ta’ Alla.

14 Jien naf li kull ma jagħmel Alla jibqa’ għal dejjem; la jista’ wieħed iżid miegħu u lanqas inaqqas minnu. Alla għamel hekk biex inissel fil-bniedem il-biża’ tiegħu. 

15 Dak li hu issa, diġà kien; u dak li għad ikun diġà kien qabel, għax l-imgħoddi Alla jerġa’ jġibu.

16 Ħaġ’oħra lmaħt taħt ix-xemx: fejn għandu jkun hemm il-ħaqq hemm l-inġustizzja, fejn għandu jkun hemm is-sewwa hemm il-ħażen. 

17 U għedt f’qalbi: “Il-ġust u l-ħażin Alla jagħmel ħaqq minnhom, għax kull ħaġa għandha waqtha u kull għemil hemm ħaqq għalih.”

18 Għall-bnedmin għedt dan ġo fija: “Alla jrid iġarrabhom biex juri li huma nfushom bħall-bhejjem.

19 Dak li jiġri lill-bniedem jiġri lill-bhima, għax it-tnejn tmiem wieħed għandhom; bħalma tmut il-bhima jmut ukoll il-bniedem, għax l-istess hu nifs il-ħajja li hemm fihom ilkoll. Xejn m’hu aħjar il-bniedem mill-bhima, ladarba kollox hu frugħa. 

20 Lejn l-istess post imorru t-tnejn; lkoll mit-trab saru, u lkoll lejn it-trab jerġgħu jmorru. 

21 U min jaf jekk nifs il-ħajja tal-bniedem jitlax ‘il fuq, u nifs il-ħajja tal-bhima jinżilx ‘l isfel lejn l-art?” 

22 Minn hawn nara li m’hemmx aħjar għall-bniedem milli jgawdi xogħol idejh, għax dan hu kull ma jmissu. U min jista’ jġibu jara dak li jsir warajh?