Ta’ spiss issib min jirraġuna li l-“attakki” li jsiru ta’ sikwit fuq Adrian Delia qed iservu biex idgħajjfu l-oppożizzjoni fil-konfront ta’ Joseph Muscat. Wieħed jista’ jaqbel jew ma jaqbilx ma’ dan ir-raġunar. Wara kollox, huwa ċar li Joseph Muscat qed igħaddiha lixxa fuq ħafna affarijiet. Ejjew nieħdu ftit eżempji minn dak li seħħ f’dawn l-aħħar ġranet.

Il-Pilatus Bank għalaq il-bibien tiegħu fuq ordni tal-Bank Ċentrali Ewropew. Għalkemm il-regolatur Malti qed jipprova jiddandan b’rix ħaddieħor f’attentat biex jieħu l-krettu hu, kulħadd jiftakar meta fil-Parlament Edward Scicluna kien stqarr li l-Pilatus Bank ma kellu x’jaqsam xejn mal-arrest ta’ Ali Sadr fi New York. Daqstantieħor ħadd ma jista’ jinsa’ t-tixrid ta’ dmugħ falz minn Joseph Muscat f’Lulju hu u jiddikjara li, skont l-inkjesta Egrant, Daphne Caruana Galizia u Maria Efimova kienu gidbu.

Il-Bank Ċentrali Ewropew ma qabilx u bank li kien ġie liċenzjat mill-gvern Laburista issa ngħalaq darba għal dejjem minkejja l-protezzjoni li kienet ingħatatlu minn Joseph Muscat: il-mistieden l-aktar importanti fit-tieġ ta’ Ali Sadr.

Issa l-partitarji tal-Labour ma jistgħu imorru quddiem ebda Pilatus Bank biex jiċċelebraw. Bħalissa l-Oppożizzjoni jmissha qegħda tagħmel xalata dwar dan. L-istituzzjonijiet tal-pajjiż wrew kemm fil-fatt huma irrelevanti u l-Parlament jmissu qed jistaqsi lil Edward Scicluna x’inhi r-raġuni għaliex ingħalaq il-Pilatus Bank. Wara kollox, kien hu li qalilna li l-għeluq tal-Bank ma kellu x’jaqsam xejn mal-arrest ta’ Ali Sadr. Jekk dan huwa minnu, allura għaliex il-Bank ġie mġiegħel jingħalaq? X’instab li kien sar ħażin fil-Pilatus Bank li kien jiġġustifika r-revoka tal-liċenzja tiegħu? Se jsiru xiljiet kriminali fuq ksur ta’ liġijiet Maltin? Għaliex kemm il-darba l-Pilatus Bank m’għamel xejn li huwa llegali, l-għeluq tiegħu mhuwiex ġustifikat u s-sidien allura jkollhom raġun li jfittxu lill-gvern għad-danni li sofrew.

Bilfors li kien hemm raġunijiet għala l-bank ġie mġiegħel jingħalaq. U ġaladarba kien hemm dawn ir-raġunijiet, x’aktarx hemm ukoll bażi fuqhiex tittieħed azzjoni kriminali. Hemm xi ħadd li qed jistaqsi dawn ir-raġunijiet x’inhuma? Dan huwa punt importanti fil-kuntest tal-kwistjoni Egrant. Jekk nifhmu sewwa x’kien qed jagħmel ħażin il-Pilatus Bank, fl-istess waqt inkunu nistgħu ngħarblu l-kredibilità tal-konklużjonijiet tal-inkjesta ta’ Aaron Bugeja dwar il-computer records tal-Bank. Għaliex jekk Maria Efimova tant kellha raġun dwar dak li kienet irrappurtat dwar il-Pilatus Bank li dan ir-rapport tagħha spiċċa biex wassal għall-għeluq tiegħu, għaliex ma kellhiex raġun ukoll dwar l-allegat kont sigriet ta’ Joseph Muscat fil-Panama u dwar l-allegat tixħim mill-Ażerbajġan?

Wieħed jista’ jasal biex jifhem għaliex Joseph Muscat qed jevita li jwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet. Imma x’inhi r-raġuni li Adrian Delia dawn il-mistoqsijiet qed joqgħod lura milli jistaqsihom?

Hemm ħaġ’oħra li seħħat f’dawn l-aħħar ġranet. Joseph Muscat iħobb isemmi l-inkjesta maġisterjali li ħadd għadu ma ra biex igħidilna li hu ngħata raġun. Iżda hemm xi ħadd li qed jitniffes dwar sentenza ta’ Maġistrat li lkoll qrajna u li tgħid li l-Ministru Evarist Bartolo, s-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri, ċ-Chief of Staff Noel Abela, s-Segretarju Permanenti Joseph Caruana, ċ-Chairman Samuel Formosa u ċ-Chief Operations Officer Tony Muscat ilkoll kienu jafu għal sena sħiħa dwar il-korruzzjoni li kien hemm fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u li lkoll kemm huma għalqu għajnejhom għaliha u għattewha. Din l-istess sentenza ddikjarat ukoll li l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar injora għal kollox l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni hekk kif ġie nfurmat dwarhom.

X’inhi r-raġuni li l-Oppożizzjoni m’hix titlob ir-riżenji ta’ dawk il-politiċi li l-qorti ddikjarat li huma ħatja li għalqu għajnejhom għall-korruzzjoni u għattewha? L-oppożizzjoni għaliex ma nsistietx fuq ir-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija li l-qorti ddikjarat li njora l-informazzjoni dwar korruzzjoni li ġiet mgħoddija lilu?

Hemm kwistjoni oħra. Il-kontijiet bankarji li hemm fis-Satabank issa ilhom iffriżati għal aktar minn 12 il-jum bil-konsegwenza li min għandu jieħu l-flus mingħand negozji bażati f’Malta ma jistax jitħallas. Is-sidien ta’ postijiet mikrija lil dawk li jaħdmu fl-industrija tal-gaming ma setgħux jiġbru pagamenti ta’ kera dovuti f’Ottubru. Pagi li kienu dovuti f’Ottubru baqgħu s’issa ma tħallsux u hemm l-inkwiet li l-istess se tkun l-istorja f’Novembru. Peress li għalissa m’humiex jinstemgħu ħafna lmenti, hawn forsi minn qed jaħseb li kollox jinsab għaddej ħarir. Iżda dan huwa kaġun tal-fatt li għall-Oppożizzjoni bħal donnu m’hu jiġri xejn.

M’għandniex xi ngħidu, dawk li jaħdmu fl-industriji tal-gaming u tas-servizzi finanzjarji jinsabu nkwetati mmens u l-klijenti huma rrabjati bit-trattament li qed jingħataw minn Malta. U issa hemm min lill-klijenti qed jagħtihom parir biex ifittxu pajjiż ieħor għan-negozju tagħhom.

Bħalissa l-Parlament jmissu qiegħed ifajjar mistoqsijiet ibsin lejn il-gvern. Imissu qed jistaqsi: għaliex il-kontijiet fis-Satabank ġew iffriżati? X’kienet ir-raġuni li kkawżat l-għeluq tal-Bank? X’ġie stabilit s’issa kemm ilu li ngħalaq il-Bank? X’kienet ir-raġuni li s-sid ingħata liċenzja biex jopera f’Malta? Ġiet involuta l-Pulizija ġaladarba hemm suspett li xi reati kriminali twettqu f’Malta? Saru xi arresti? Inbdiet l-inkjesta dwar il-liċenzjar tas-Satabank? Jekk inbdiet, min qed imexxiha? X’irriżulta mill-inkjesta s’issa? X’inhi r-raġuni li l-Oppożizzjoni m’hix tagħmel dawn il-mistoqsijiet? Għaliex il-gvern qed jitħalla jgħaddiha lixxa?

Bħalissa Adrian Delia qed jattendi laqgħa tal-EPP f’Helsinki u l-bagalja tiegħu qed tinġarr minn David Agius, Clyde Puli, Kristy Debono, Mark Anthony Sammut, Roslyn Borg Knight, Robert Cutajar, David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech. Lanqas iċ-Ċiniżi ma jkollhom daqstant persuni fid-delegazzjonijiet uffiċjali tagħhom.

Forsi hawn min isostni li huma l-MEP’s li xogħolhom hu li jattendu laqgħat tal-EPP. Iżda tabilħaqq kien hemm għalfejn l-attendenza ta’ dawk in-nies kollha mill-PN?

U fil-frattemp, fid-Dar Ċentrali min qed jieħu ħsieb l-affarijiet fl-assenza tal-Kap? Ċensu l-Iswed?