F’post li għamel fil-Facebook Herman Schiavone ċaħad storja li xxandret fil-Malta Today li hu, Schiavone, kien qed jaħseb dwar kif Adrian Delia jista’ jitlaq mix-xena politika “b’mod dinjituż”. Ir-rapport tal-Malta Today huwa sejjaħlu bħala wieħed “qarrieqi” u li “Adrian Delia m’hux bi ħsiebu jirriżenja u qed jissaħħaħ ma kull jum li jgħaddi”.

Mela Herman Schiavone issa se jkollu jiċħad dan li ġej ukoll.

Fi skambju elettroniku li kellu ma’ mart Adrian Delia f’ Marzu 2018, id-deputat tal-PN u segwaċi ta’ Adrian Delia, Herman Schiavone wera’ t-tħassib tiegħu dwar jekk it-tmexxija tal-partit minn Adrian Delia setgħetx tkompli. “Illum ukoll reġa’ xorob erba’ grokkijiet. Ippruvajt inwaqqfu. Naħseb li qed jixrob fi sforz biex jipprova jinsa l-problema”. “Illum Adrian sar żibel. Ma nistgħux inkomplu sejrin b’dan il-mod. Jekk ikun hemm bżonn, ikollu jitlaq iżda rrid naċċerta li jekk naslu għal dan, jagħmel hekk b’mod dinjituż,” kiteb Herman Schiavone fil-messaġġ elettroniku li jien rajt b’għajnejja.

Dan l-iskambju huwa prova li, għal diversi xhur u minn ftit wara l-ħatra tiegħu bħala kap tal-partit, sostenituri ta’ Adrian Delia fil-grupp parlamentari kienu diġa qed jikkunsidraw li l-kariga li nħatar fiha ma kinitx ħobż għal snienu.

It-tħassib dwar il-vizzju tax-xorb ta’ Adrian Delia huwa konfermat minn għejjun fil-kwartier tal-PN li raw b’għajnejhom lill-kap tal-partit jixrob l-alkoħol filgħodu waqt il-ħin tax-xogħol. Kien hemm diversi okkażjonijiet meta Adrian Delia ma żammx appuntamenti ta’ filgħodu inkluż l-għoti ta’ diskorsi f’attivitajiet politiċi jew inkella deher għajjien f’attivitajiet li għalihom attenda. Privatament impjegati tal-partit u attivisti wrew it-tħassib tagħhom għall-fatt li l-vizzju tax-xorb li għandu Adrian Delia qed ifixkel il-qadi ta’ dmirijietu.