Il-PN m’hemmx li jieħu r-ruħ. Issa ilu diversi snin li qabad it-triq tan-niżla, iżda d-daqqa li ħa f’Ottubru tas-sena li għaddiet jidher li ma jistax iqum minnha. Il-popolarità tal-PN baqgħet baxxa li issa l-Partit sar jixbah lil dak il-pazjent li jistejqer għal ftit mumenti iżda jibqa’ f’koma.
Taħsbux li dan li qed nikteb, qed niktbu b’xi pjaċir. Illum lil dawk li għadhom jappoġġjaw lil Adrian Delia, Noel Grima sejjħilhom ‘groupies’: jiġifieri nies fanatiċi li m’għandhom ebda fakultà ta’ dixxerniment u li bħalissa jinsabu mitlufin f’rabja kbira b’rashom midfuna fir-ramel.
Il-Malta Today ixxandar is-sondaġġi kull xahar. U kull sondaġġ qed jaqbel ma’ dak li jkun ittieħed fix-xahar ta’ qabel. Kull sondaġġ li jsir separatament qed jagħti riżultat identiku: ħadd minn dawk li fl-2017 ivvutaw Labour bi ħsiebhom jivvutaw PN jekk elezzjoni ssir għada. F’intervista li ta lil The Malta Independent, Robert Musumeci stqarr li l-elezzjoni ta’ Adrian Delia kienet ta’ ġid u li dawk li vvutaw PN fl-2017 iżda li mhux bi ħsiebhom jivvutaw PN sakemm Adrian Delia jibqa’ fir-riedni, huma elitisti u ipokriti li jippretendu li huma xi qaddisin mixjin fl-art. Stqarr ukoll li hu mhux bi ħsiebu jivvota PN anki b’Adrian Delia bħala Kap.
Il-PN bħal donnu għażel li joqgħod fuq il-pariri ta’ dawk li, jiġri x’jiġri, ma jaslux biex jivvutawlu u rema’ l-baħar il-fehmiet ta’ dawk li taw ħajjithom għall-prinċipji tal-partit: għaliex dawn tal-aħħar illum huma kunsidrati bħala theddida u weħlu huma għas-sitwazzjoni li wassal biex fix-xena feġġ Adrian Delia.
Il-PN – li sa għaxar snin ilu kien igawdi l-fiduċja ta’ aktar minn nofs l-elettorat – illum jinsab maħkum minn paraliżi. Ftit ħafna huma dawk li jidhrilhom li Adrian Delia għandu xi prospett li lill-PN iġibu ‘l quddiem. Il-manigoldi li se jikkumentaw fuq il-Facebook hekk kif inxandar dan il-post issa qed iġibu ruħħom b’mod iddisprat huma u jistennew b’trepidazzjoni l-qerda tal-PN; dawn donnhom li jkunu kuntenti jaraw lill-partit meqrud għal dejjem basta l-eroj tagħhom Adrian Delia jibqa’ fit-tmun. Dawn in-nies il-funzjoni ta’ partit politiku ma jifhmuhiex. Ħadd m’hu sid il-Partit. Partit qiegħed hemm biex iservi lill-pajjiż u jekk għal xi raġuni ma jkunx possibbli li jservi l-pajjiż bis-saħħa tal-mexxej li jkollu, jkun jeħtieġ li jinstab mexxej ieħor. Jekk mexxej ma jkollux il-ħila jmexxi, jkollu jwarrab: il-ħila tal-Partit li jiġġieled u jirbaħ hi ta’ importanza kbira u din m’għandha qatt tiġi sagrifikata sabiex mexxej jibqa’ f’postu.
Hemm ukoll grupp ta’ persuni li mingħandhom kont nistenna aħjar. Fl-2017 ħarġu bl-idea li jġibu lil xi ħadd minn barra biex imexxi lill-Partit. Dejjem għidt li din ma kienet idea tajba xejn, iżda ċertament ħadd ma basar lil dak li spiċċa biex ingħażel kellu jkun daqshekk inadegwat għall-kariga. Minflok sabu lil xi ħadd li hu raġel tal-familja, li jispira fiduċja, li jifhem fin-negozju u li għandu ħiliet politiċi f’dik li hi loġika u prattiċità, fix-xena dawn daħħlu lil Adrian Delia – bniedem m’għandux l-iċken idea dwar dak kollu li huwa meħtieġ għall-kariga li qed jokkupa.
Li kieku Adrian Delia kellu jitneħħa mill-kariga, dawk ta’ madwaru donnhom qegħdin jaħsbu li se jeħlu huma talli, minħabba l-ġudizzji żbaljati li kienu waslu għalihom dwar il-karattru tiegħu, ġabu dawn il-konsegwenzi ħżiena fuq il-Partit. Jibżgħu li dan ikun ifisser ukoll it-tmiem tal-karrieri politiċi tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, konsegwenza bħal din għandu jistenniha kull min ikun żbalja b’dan il-mod.
Iżda l-missjoni ta’ partit politiku tiżboq lil dan kollu. X’aktarx li dawk li appoġġjaw lil Adrian Delia kellhom intenzjonijiet għall-ġid u dan il-fatt għandu jittieħed in konsiderazzjoni meta tittieħed deċiżjoni. Wara kollox, Adrian Delia mhux biss lill-eletturi tal-PN għadda biż-żmien meta rnexxielu jipperswadihom li kellu l-ħila li jmexxi lill-Partit tagħhom, għadda biż-żmien ukoll lil dawk li mbuttawh u appoġġjawh matul ix-xhur disastrużi li għamel fir-riedni. Issa għandhom ineħħuħ u l-Partit għandu jappoġġjahom u dan mingħajr ma jaqa’ fit-tentazzjoni li jpattihielhom. It-tpattija fuq dawk li appoġġjaw lil Adrian Delia tkun bla sens u ma tagħmilx ġid – anzi tista’ tfixkel lill-Partit milli jwettaq il-missjoni tiegħu li jservi d-demokrazija tagħna.
Il-ġimgħa li għaddiet Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni indirizza lill-istampa u talab li tittieħed azzjoni minn naħa tal-Prim Ministru wara li nkixfu u xxandru madwar id-dinja aktar dettalji dwar l-iskandlu 17 Black. Adrian Delia ma setax isib irkaptu u, hekk kif propagandist tas-Super 1 staqsieħ huwiex jallega li Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu xxaħħmu, beda’ jlaqlaq u lissen kliem legali li qajla kienu rilevanti: għalih kien aktar importanti li jassigura li l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia ma tkunx vindikata milli li jopponi lil Joseph Muscat.
Issa lkoll nafu li Keith Schembri u Konrad Mizzi huma korrotti llum daqs kemm kienu meta kienet kixfithom Daphne Caruana Galizia aktar minn sentejn ilu. Imma Adrian Delia dan ma jistax igħidu. Joseph Muscat illum fakkar lil Adrian Delia li jekk hu se jitlob li jkun hemm kontabilità politika, ikun jeħtieġ li jdur dawra miegħu nnifsu u jwarrab hu. Fi kliem ieħor qal li ġaladarba Adrian Delia ma rriżenjax, m’għandux għalfejn jitlob li jirriżenja ħaddieħor. Din hi r-raġuni għaliex ninsabu fil-gwaj li ninsabu fih: il-kontabilità nippretenduha għal ħaddieħor sakemm ma tapplikax għalina.
Kemm se jdumu biex jiċċaqilqu dawk li servew tant tajjeb lil dan il-pajjiż fl-imgħoddi? Meta se jibda’ jieħu r-ruħ il-PN?