Jekk il-President ta’ Malta ma tixtieqx li tiġi kritikata fuq dak li tlissen fid-diskorsi pubbliċi tagħha, imissha toqgħod lura milli tagħmel diskorsi bħal dawn. Biżżejjed li, lil Marie Louise Coleiro Preca, wieħed ikun irid joqgħod attent li ma jqishiex bħala aġent ieħor tal-Partit Laburista. Dak li stqarret illum dwar il-Pilatus Bank mhux biss kien messha stħat tgħidu, iżda naħseb li dak li stqarret kixef l-intenzjonijiet veri tagħha. Tal-Oxford Union staqsewha jekk Malta kienitx ħadet tagħlima mill-iskandlu tal-Pilatus Bank.

Li kieku riedet, setgħet evitat li twieġeb il-mistoqsija billi tistqarr li din hi kwistjoni ta’ kontroversja u li r-rwol tagħha ma jippermettilhiex titkellem f’isem il-gvern. Setgħet qalet li Malta tinsab impenjata biex tiġġieled kontra l-ħasil tal-flus jew xi diskors ieħor simili. Ma tarax?! Qaltilhom li “l-Pilatus Bank jinsab magħluq,” bħallikieku dan il-fatt għandu x’jaqsam mal-mistoqsija li saritilha. U mbagħad kompliet: “S’issa ma nġiebet ebda prova legali dwar dak li għamel il-Pilatus Bank”.

Il-Kap tal-Istat din l-istqarrija stramba x’riedet tgħid biha? Il-kliem “prova legali” x’riedet tfisser bihom? Forsi fehmet li dawn il-kliem huma l-oppost tal-kliem “prova illegali”? Forsi riedet tgħid li ma kien ittella’ ħadd il-Qorti u allura ma kien ġie kundannat ħadd? Jekk dan hu tassew dak li riedet tfisser, m’għamlet xejn ħlief tefgħet dawl ikraħ fuq l-istituzzjonijiet Maltin li jinfurzaw il-liġijiet. Jekk xejn, mingħajr ma riedet, it-tweġiba tagħha setgħet tinftiehem fis-sens li “le, Malta ma tgħallmet xejn mill-iskandlu tal-Pilatus Bank”.

Madankollu mill-istqarrija tal-President hemm ħafna aktar x’wieħed jomgħod u f’dan il-każ jidher li Marie Louise Coleiro Preca dehrilha li kellha tiġbed il-ħabel tal-bank u tas-sidien ħallelin li mexxewh hi u tiċħad għan-nom tagħhom l-akkużi li dawn għandhom ma’ wiċċhom. Għamlet l-istess bħalma s-soltu jagħmlu Joseph Muscat, Konrad Mizzi u l-klijent tal-Pilatus Bank Keith Schembri li lkoll jibqgħu jirrepetu li  l-akkużi li hemm kontrihom huma foloz għaliex l-akkużi qatt ma ġew pruvati fil-qorti. Dan hu li riedet tfisser Marie Louise Coleiro Preca meta semmiet in-nuqqas ta'”provi legali”? Jien hekk nifhem li riedet tfisser.

Mhux hekk biss. Ali Sadr Hasheminejad jinsab f’New York jistenna biex f’Ottubru li ġej igħaddi ġuri mixli b’frodi bankarja u bi ksur ta’ sanzjonijiet. Iżda għan-nom tiegħu, d-diretturi tal-bank qed iħarrku lill-Malta Financial Services Authority fil-qorti għal danni enormi  għaliex, kif qed isostnu, il-bank ittieħed minn taħt idejhom u ngħalaq “in mala fede, bi ksur tad-drittijiet kostituzzjonali tagħhom u permezz ta’ azzjoni li tmur lil hinn mis-setgħat tal-Awtorità”. Dawn qegħdin igħidu li l-Bank Ċentrali Ewropew għalaq il-Pilatus Bank għal xejn b’xejn u għal raġunijiet li m’humiex imsejsa fuq “provi legali”.

Marie Louise Coleiro Preca m’hi tagħmel xejn ħlief tagħmilha tad-difensur Ali Sadr Hasheminejad fil-kawża għad-danni li qed jagħmel kontra l-gvern. Ali Sadr x’xhud aħjar mill-President ta’ Malta jista’ jkollu meta fil-beraħ din għażlet li tirrepeti l-linja tad-difiża tiegħu fis-sens li ma kienx hemm raġunijiet “legali” biex il-bank jittieħed minn taħt idejh u jingħalaq? Dan ma kienx xi żball tal-kelma u, fi tweet li għamel illum,  Simon Busuttil ħeġġeġ lill-President biex tirtira l-istqarrija mbarazzanti tagħha.

X’aktarx Simon Busuttil se jintebaħ li l-President ma tħossha mbarazzata xejn u donnu qed jidher li l-gvern m’għandux ħerqa li jirbaħ il-kawża għad-danni li għamlu d-diretturi tal-Pilatus Bank.

Hemm aktar minn raġuni waħda għala l-gvern m’għandux ħerqa li jirbaħ din il-kawża.

Jekk jirbħu l-kawża d-diretturi tal-Pilatus Bank, mhux huma biss ikunu ngħataw raġun. Ikun ukoll ingħata raġun Joseph Muscat li għadu sal-lum jinsisti li l-whistleblower u l-ġurnalista li effettivament ġabu lill-bank fi tmiemu — jiġifieri Maria Efimova u Daphne Caruana Galizia — m’humiex persuni kredibbli. U dan minkejja l-fatt li dawn it-tnejn kienu kredibbli biżżejjed għall-investigaturi tal-Awtorità Bankarja Ewropea li kienu sabu li kien seħħ ksur sistematiku tal-liġijiet ta’ kontra l-ħasil tal-flus, tant li l-Bank Ċentrali Ewropew imbagħad ordna lill-bank biex jagħlaq.

Imma dawk huma “barranin”. Aqraw il-blogpost dwar il-“barranin” li m’humiex f’sensihom. Joseph Muscat jkun jaqbillu jekk id-diretturi tal-Pilatus Bank jingħataw ċertifikat mill-qrati Maltin li l-għeluq tal-bank ma kienx imsejjes fuq “provi legali”. Wara kollox, il-kawża li saret kontra tagħhom hi marbuta wkoll mal-kawża kontra tiegħu u mal-iskandlu Egrant.

M’għandniex xi ngħidu, jekk verament qed iseħħ dan kollu, l-Prim Ministru ikun qed jonqos mid-dmir tiegħu li jirrappreżenta l-interessi nazzjonali f’tilwima legali bħal din. Fin-nofs m’hemmx biss id-danni li l-gvern ikollu jħallas li, fl-aħħar mill-aħħar, mhux se joħorġu minn but Joseph Muscat. Hemm ukoll il-fatt li Ali Sadr u tal-Pilatus Bank kienu diġa ħarrku lil Daphne Caruana Galizia fl-Arizona għal $40 miljun f’danni għaliex dawn allegaw li hi kienet ħassret ir-reputazzjoni tagħhom. Dawn kienu wkoll heddew b’kawżi simili lit-Times of Malta, lill-Malta Independent, lill-Malta Today u lil Lovin Malta.

Imħatra li jitħajjru jerġgħu jgħamlu l-istess ħaġa kemm il-darba jirbħu l-kawża li saret fil-qorti f’Malta kontra l-MFSA.

Raġel Iranjan li gideb dwar l-età u dwar in-nazzjonalità tiegħu qed jistenna li jgħaddi ġuri fl-Istati Uniti għad-delitti kriminali li wettaq fl-imgħoddi. Iżda l-President tagħna moħħha mistrieħ li dan m’għamel ebda ħsara għax ma hi kienet rat ebda “provi legali”.

Jien m’għandi f’idejja ebda prova legali li lil Ali Sadr spiċċat biex tatu daqqa t’id. Iżda qed insibha ferm diffiċli li nneħħi dan il-ħsieb minn moħħi.