Joseph Muscat issa qed jittanta jikkonvinċina li bis-saħħa tiegħu l-pajjiż qed jikkonverti favur il-multikulturaliżmu inklussiv. Bil-qerq kollu li jinqala’ ħafna għalih, Muscat qed jipprova jġiegħelna niddubitaw il-memorja tagħna stess għaliex li kieku kellna niftakru dak kollu li ilna nafu, konna nifhmu aħjar li l-isparar bl-addoċċ minn uffiċjali tal-Istat fuq bnedmin li għandhom ġilda sewda m’hi xejn ħlief ir-riżultat mistenni tat-tħaddim ta’ politika ta’ preġudizzju razzjali, ta’ diskriminazzjoni u ta’ mibgħeda istituzzjonalizzata.
Meta kien għadu ma sarx Prim Ministru, Joseph Muscat kien spalla ma’ spalla ma’ Lawrence Gonzi iwieġeb “iva” jew “le” għall-mistoqsijiet ta’ Herman Grech tat-Times of Malta. Iż-żewġ mexxejja kienu ntalbu jwieġbu din il-mistoqsija: “Taqblu mal-politika ta’ pushback lura lejn il-Libja tal-immigranti li jiġu hawn bil-baħar ?”
Lawrence Gonzi kien wieġeb billi qal ‘le’. Minn naħa tiegħu, Joseph Muscat wieġeb ‘iva’.
Ma kien hemm ebda ambigwità fit-tweġiba tiegħu.
Joseph Muscat kien ħaddan linja iebsa u razzista. Linja li kien ħaddanha bħala parti mill-programm elettorali tal-2013.
Kulħadd kien fehem x’ried ifisser. Araw lill-NGOs jikkritikawh bl-aħrax u jwissu bil-perikli ta’ din il-politika. U hawn araw lil Norman Lowell ifaħħar u jwiegħed kull appoġġ lil Joseph Muscat.
Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kellha tintervjeni biex twaqqfu milli jimplimenta l-aġenda tiegħu. U meta din waqqfitu, ħaddan politika li permezz tagħha kull persuna b’karnaġjon iswed inżammet milli titla’ l-art biex b’hekk kompla kebbes in-nirien tad-diskriminazzjoni.
F’dan il-filmat, Joseph Muscat bħala Kap tal-Oppożizzjoni jidher jitkellem favur politika indifensibbli li tammonta għal tindif etniku. Ma riedx jibqa’ jara nies suwed mar-roundabouts.
With peanuts you get monkeys ~ Muscat??There goes you against yourself.
Geplaatst door Mario Portelli op Zondag 19 mei 2019
Ftit xhur wara li ħa s-setgħa f’idejh, Joseph Muscat beda’ jżarma l-ethos tal-armata. Huwa ħaddan politika li permezz tagħha l-kriterju biex wieħed jidħol jaħdem mal-armata ma kompliex jiġi bażat fuq il-karattru, d-dixxiplina u r-rekord personali tal-applikant iżda fuq il-lejaltà lejn Joseph Muscat u l-politika tiegħu. U fi ħdan din il-politika hemm il-preġudizzju istituzzjonalizzat kontra s-suwed.
Illum Joseph Muscat qed igħid li m’hemm ebda responsabbiltà politika x’tintrefa’ f’dan il-każ.
Din hi r-raġuni il-għala ma jridx it-tnedija ta’ nkjesta pubblika indipendenti. Għaliex jaf li r-riżultat inevitabbli ta’ nkjesta bħal din x’aktarx ikun li fil-fatt huwa l-persuna li hu responsabbli għat-tħaddin ta’ politika li ħolqot ambjent li wassal għal dan il-qtil.
Dan ma nistgħu qatt ninsewh u ma nistgħu qatt inħalluh inessihulna.
Bil-wiċċ tost kollu Joseph Muscat illum ippreżenta ruħu bħala l-persuna li jista’ jwarrbilna l-preġudizzji razzjali meta fil-fatt kien proprju hu li kien ħeġġeġ dawn il-preġudizzji u uża s-setgħa tiegħu biex jimplimenta politika ta’ diskriminazzjoni li pperikolat ħajjet in-nies. Min jaf kemm għerqu persuni fil-baħar minħabba l-politika li ħaddan Joseph Muscat?
Fi żmien bħal dan li, fit-teorija, kellu jwassal għal kriżi nazzjonali, Joseph Muscat ma jistax joqgħod jippontifika u dan minħabba r-rekord li għandu.
Ma jistax ikun ipokrita akbar milli fil-fatt hu.