L-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa għadha kemm irċeviet l-abbozz tar-rapport imfassal minn membru tagħha li kien tqabbad biex jifhem aħjar il-kuntest tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u dak kollu li seħħ f’Malta minn dakinhar ‘l hawn.

Ir-rapport mistenni li jiġi diskuss qabel il-waqfa tas-sajf tal-Assemblea li mistennija wkoll tiddibatti riżoluzzjoni li, jekk tgħaddi kif ġiet imfassla, tkun waħda mill-akbar kundanni umiljanti li tkun qatt qalgħet Malta fil-kuntest internazzjonali tal-istorja tagħna.

Il-kandidati tal-Labour għall-Parlament Ewropew qed jistiednuna nivvutawlhom biex ikunu jistgħu ipoġġu fuq is-siġġijiet ta’ Parlament li jitlaqqa’ ftit il-bogħod mill-bini tal-Kunsill tal-Ewropa u dan sabiex ikun jistgħu jiddefendu r-reputazzjoni ta’ Malta.

It-tliet rappreżentanti tal-Labour fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa huma Stefan Zrinzo Azzopardi, Manuel Mallia u Etienne Grech. Dawn bi ħsiebhom jiddefendu r-reputazzjoni ta’ Malta mill-perspettiva tagħhom. Iżda wieħed għandu jistenna’ li tal-Kunsill tal-Ewropa se jeżaminaw il-fatti u jwieżnuhom ma’ dak li se jgħidu r-rappreżentanti Laburisti. Jekk dawn bi ħsiebhom jiddefendu dak li huwa indifensibbli, ibqgħu ċerti li lil Malta se jagħmlulha aktar ħsara.

Mhux lanqas għaliex l-abbozz tar-rapport igħid li wieħed mis-sinjali lampanti li juri l-istituzzjonijiet Maltin jinsabu mgħarrqin fil-ħama huwa li deputati parlamentari Laburisti ngħataw impjieg imħallas mill-gvern.

Stefan Zrinzo Azzopardi, bniedem li ma jibżax mill-qtates mejtin, iħawwar id-dħul tiegħu b’salarju bħala Chairman tal-Grand Harbour Regeneration Corporation. Huwa wkoll ir-Rappreżentant Legali tas-Central Procurement and Supplies Unit tal-gvern.

Manuel Mallia, li għadu sal-lum ma spjegax minn fejn ġew in-nofs miljun ewro kontanti li jżomm id-dar, huwa Chairman tal-Occupational Health and Safety Authority. Huwa wkoll wieħed mill-avukati tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Etienne Grech, dak li kien seraq kilwa minn ġisem mejjet biex ikun jista’ jeżaminaha d-dar, huwa Chairman tal-Kunsill Konsultattiv għan-naħa t’Isfel ta’ Malta.

L-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa se tisma’ d-“difiża ta’ Malta” ta’ dawn it-tlieta. Imbagħad bi ħsiebha teżamina dak li hemm miktub fir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja li jikkonkludi li “meta deputati tal-gvern jingħataw inċentiv finanzjarju mill-gvern stess, x’aktarx dawn jibqgħu lura milli jikkontrollaw l-imġieba tal-gvern”.

U l-istess Assemblea Parlamentari – li x-xahar id-dieħel mistennija li tivvota dwar dan ir-rapport ġdid – se ssir taf li dawk id-deputati parlamentari li jirċievu ħlasijiet għal xogħol ħafif mogħti lilhom se jkollhom aktar żmien biex idawwru l-attenzjoni tagħhom fuq ix-xogħol parlamentari – u li, fil-każ tad-deputati Laburisti li qed igawdu minn dan il-ġid kollu li qed jintraxx fuqhom – u biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-gvern. M’hemmx dubju li hemm ukoll deputati parlamentari li huma serji u ta’ prinċipju. “Madankollu, l-Kamra tad-Deputati fl-istat attwali tagħha, ma tistax teżerċita kontroll effettiv fuq il-gvern”.

X’aktarx li l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa se tqis li l-imġieba ta’ Zrinzo Azzopardi, Mallia, Grech, meta dawn jaqbżu għal Joseph Muscat, bħala waħda diżonesta u korrotta, u waħda li hi msejsa fuq ħlas irregolari minn flus il-Maltin. L-Assemblea se tisma’ dak kollu li bi ħsiebhom igħidu dawn it-tlieta u mbagħad se tgħaddi biex twarrab l-argumenti tagħhom.

Bl-imġieba tagħhom m’huma se jagħmlu xejn ħlief li jumiljaw lil pajjiżna.