Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili llum semgħet it-trattazzjonijiet tal-avukati ta’ Repubblika u tal-Avukat Ġenerali dwar il-kawża li għamlet Repubblika li permezz tagħha talbet dikjarazzjoni li s-sitt ħatriet riċenti li saru fil-ġudikatura ma sarux skond ir-regoli tal-Kummissjoni ta’ Venezja u li għalhekk dan ifisser li l-ġudikatura Maltija m’hix waħda indipendenti.
Il-Qorti semgħet it-trattazzjoni ta’ Simon Busuttil u ta’ Karol Aquilina, li t-tnejn dehru għal Repubblika, dwar ir-raġunijiet il-għala l-istess Qorti għandha titlob lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-Lussemburgu biex tagħti ruling dwar jekk is-setgħa li għandu l-Prim Ministru li jagħżel hu il-persuni li għandhom jinħatru għall-ġudikatura tammontax jew le għal ksur tal-liġijiet Ewropej li jorbtu lill-istati membri biex jassikuraw li l-ġudikatura tkun waħda indipendenti.
L-avukati ta’ Repubblika tkellmu wkoll favur it-talba tagħhom biex il-Qorti tordna li jittieħdu miżuri ad interim sakemm tinqata’ s-sentenza b’mod finali. Dawn l-avukati wrew it-tħassib tagħhom għall-fatt li jekk ma jittieħdux dawn il-miżuri ad interim, f’każ li l-Qorti fl-aħħar mill-aħħar taċċetta t-talbiet tagħhom, jista’ jkun hemm konsegwenzi mill-aktar serji fid-dawl tad-deċiżjoni tal-gvern f’April li għadda li jkompli għaddej bil-ħatriet u dan minkejja l-protest li kien sar kif ukoll il-kawża li saret fil-Qorti.
L-Avukat Ġenerali Peter Grech għan-nom tal-gvern qal li t-talbiet ta’ Repubblika biex il-każ jiġi mgħoddi lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u biex jittieħdu miżuri ad interim m’għandhomx jintlaqgħu.
F’seduta li damet tliet sigħat, l-Imħallef Mark Chetcuti sema’ t-trattazzjonijiet fil-preżenza tal-Ministru tal-Ġustizzja u tal-avukat personali tal-Prim Ministru Pawlu Lia.
Il-kawża issa tinsab differita għad-29 ta’ Mejju meta l-Qorti mistennija tiddeċiedi dwar it-talba ta’ Repubblika biex il-każ jiġi mgħoddi lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, dwar it-talba għat-teħid ta’ miżuri ad interim u dwar l-eċċezzjonijiet preliminari li ppreżenta l-Avukat Ġenerali.