Ir-riżenja ta’ David Stellini mill-Parlament (se nikteb dwar din l-aħbar dalwaqt) ħolqot vojt li jrid jimtela’ fil-Grupp Parlamentari tal-PN. David Stellini kien ġie elett f’elezzjoni każwali meta  Marthese Portelli telgħet minn żewġ distretti u kellha ċċedi wieħed minnhom.

Dan ifisser li l-vojt jrid jimtela’ minn xi ħadd li jintagħżel mill-partit politiku li minnu jagħmel parti d-deputat parlamentari li jkun irriżenja.

Fit-teorija, hi affari tal-PN dwar min għandu jagħżel biex ipoġġi fis-siġġu ta’ Stellini. Iżda l-PN ta’ bilfors ikollu jagħmel ċerti kalkoli qabel jagħmel l-għażla.

B’xorti ħażina, il-kriterji tal-għażla m’humiex “min huwa l-aħjar” biex jieħu post Stellini. Membru parlamentari jtellgħu l-elettorat indipendentement minn kull kriterju oġġettiv ta’ kompetenza. Għaldaqstant partit politiku jkollu jagħżel, mhux skond il-kriterju dwar min hu jew min hi l-aħjar persuna biex timla’ l-vojt li jkun ħalla deputat li jkun irriżenja (għażla bħal din issir biss meta jintgħażlu l-kandidati għall-elezzjoni) iżda skond l-elettorat lil min kien jagħżel li kieku kellu jingħata l-opportunità li jagħmel dan.

Għalhekk il-“ġustizzja” jkollha rwol akbar f’każijiet bħal dawn u ħafna drabi jintagħżel il-kandidat li jkun fil-lista u li jkun imissu li jitla’ għax ikollu numru ta’ voti akbar minn tal-oħrajn.

Il-kandidat li ġab l-aktar voti minn fost dawk li ma telgħux fid-distrett ta’ David Stellini huwa Kevin Cutajar, avukat li serva fil-kunsill tal-lokalità tiegħu għan-nom tal-PN għal diversi snin. Illum deheru diversi posts li għamlu ħbieb ta’ Kevin Cutajar li fihom tkellmu dwar il-kwalitajiet tiegħu u l-fatt li, minkejja diżabilità tiegħu – huwa bniedem nieqes mid-dawl – wera’ li huwa politiku kapaċi u membru ewlieni tal-komunità fejn igħix.

Jien naqbel ma’ dan ir-raġunar. Iżda anki li kieku ma kellux dawn il-kwalitajiet kollha, xorta waħda jmiss lilu biex jirrappreżenta lill-elettorat Għawdxi bħala t-tielet preferenza tagħhom wara David Stellini u Marthese Portelli.

Il-PN bħal donnu qed jikkunsidra li jeqred l-għażla tal-elettorat. It-tmexxija tal-PN, hi u tirribatti s-sejħiet għar-riżenja ta’ Adrian Delia b’diskors ripetut li dan kien ġie elett demokratikament – bħallikieku elezzjoni demokratika tagħtik id-dritt li żżomm postok għal għomrok – tidher li qiegħda tikkunsidra li tinjora l-għażla demokratika tal-elettorat Għawdxi u dan għal raġunijiet purament tattiċi.

Issa nafu li bħalissa s-sitwazzjoni tal-PN f’Għawdex m’hix waħda mill-aqwa. Ir-raġuni li d-deputati parlamentari tagħna jittellgħu minn 13 il-distrett elettorali hi li, bejn wieħed u ieħor, il-popolazzjoni ta’ Għawdex hi ekwivalenti għal wieħed minn tnax ta’ Malta u d-distretti tfasslu biex jiżguraw li kull rokna tal-gżejjer Maltin tkun rappreżentata fil-Parlament.

Fil-każ ta’ Għawdex dan huwa mill-aktar rilevanti. F’Malta huwa meħtieġ li jkun hemm rappreżentanza adegwata għall-inħawi taż-żewġ portijiet, għan-nofsinhar tal-pajjiż, għaż-żona agrikola tal-punent u għaż-żona tat-tramuntana. Iżda d-differenza bejn iż-żoni f’Malta m’hix daqstant kbira daqs id-differenzi li jeżistu f’Għawdex minħabba l-insularità doppja u l-identità distinta tal-gżira.

Għal snin twal il-PN dan fehmu: f’Malta mhux diffiċli għal bniedem li joqgħod f’lokalità li jirrappreżenta l-elettorat f’lokalità oħra. Iżda bħala regola l-Għawdxin itellgħu lill-Għawdxin għar-raġuni li ħadd daqs l-Għawdxin stess ma jista’ jifhem il-ħtiġijiet u l-interessi tagħhom.

Li kieku l-PN kellu jiddeċiedi li jagħżel Malti biex jieħu post David Stellini, ikun qed juri stmerrija għall-ħtiġijiet tal-Għawdxin.

Madankollu jidher li s-siġġu parlamentari ta’ David Stellini ġie “mwiegħed” lil Jean Pierre Debono bħala tpattija għas-sagrifiċċju li kien għamel meta lil Adrian Delia għamillu l-wisa’ biex seta’ jieħu postu fil-Parlament hekk kif leħaq mexxej tal-partit.

Ma nafx dan hux minnu jew le, iżda l-fatt li xi deputati parlamentari u attivisti diġà bdew jagħtu “merħba” prematura fil-Parlament lil Kevin Cutajar huwa indikazzjoni ċara li teżisti taqtiegħa interna dwar din il-kwistjoni.

Jean Pierre Debono jkun għażla aħjar mill-għażla ta’ Kevin Cutajar? Ma naħsibx li l-kwistjoni għandha tkun imsejsa fuq min minnhom ikun l-aħjar.

Il-qofol tal-kwistjoni hi li, jekk huwa minnu li siġġu parlamentari ġie “mwiegħed” f’nofs taqtiegħa interna għas-setgħa, dan ifisser li l-klijenteliżmu se nkunu niżżilnih għal livell baxx ieħor.

Il-votanti  Nazzjonalisti Għawdxin għandhom dritt għal rappreżentanza adegwata minn persuna li tgħix fosthom.

Jew dawn ser ikollhom joqgħodu jmorru sa Ħaż-Żebbuġ biex ikellmu lid-deputat tagħhom?