Il-gvern Malti għadu kemm ġie umiljat mill-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġustizzja u d-Drittijiet tal-Bniedem: dan ċaħad mal-50 emenda li l-gvern ta’ Joseph Muscat ried jagħmel biex tinbidel it-tifsira ta’ rapport imħejji minn deputat parlamentari Olandiż li sab nuqqasijiet kbar f’dik li hi s-saltna tad-dritt f’Malta.
Ir-rapport ta’ Pieter Omtzigt issa għadda mill-għarbiel u ġie aċċettat mill-Kumitat minkejja r-reżistenza qawwija mir-rappreżentant tal-gvern Malti d-deputat Laburista Manwel Mallia fil-laqgħa ta’ Pariġi li seħħet illum.
Manuel Mallia ntavola u ddefenda diversi emendi għar-rapport biex jipprova jnaqqas il-gravità ta’ dak li rriżulta, jiġifieri li fejn tidħol il-governanza f’Malta jeżistu dgħjufijiet kbar u dwar l-azzjonijiet li ttieħdu mill-Istat wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Bħala riżultat, il-Kumitat iddeċieda li jadotta rapport li fih kritika ħarxa li qatt ma saret qabel dwar l-istat dgħajjef tad-demokrazija tagħna. Dan ir-rapport issa se jiġi mgħoddi lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa bil-għan li jittieħed vot aħħari mill-ogħla għassies tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa. Dan il-vot mistenni jittieħed qabel il-waqfa tas-sajf.
Bħala parti ntegrali tar-rapport li ġie adottat illum hemm ukoll abbozz ta’ riżoluzzjoni għall-Assemblea Parlamentari li permezz tagħha il-gvern se jiġi mitlub iniedi inkjesta indipendenti dwar iċ-ċirkostanzi tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, ħaġa li l-gvern għadu sal-lum jirreżisti.
Fl-abbozz tar-riżoluzzjoni hemm ukoll talba lill-gvern biex jimplimenta diversi bidliet sabiex is-saltna tad-dritt f’Malta terħa’ tiġi fis-seħħ u talba biex il-gvern ma jkomplix jaħtar imħallfin u maġistrati ġodda sakemm tiġi riveduta s-sistema tal-ħatriet.
Qabel tasal għal ġudizzju dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem f’xi pajjiż, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa taħtar rapporteurs minn ħdanha bil-għan li dawn jinvestigaw u jfasslu rapporti dwar il-qagħda fi Stati Membri. F’Settembru 2018, il-gvern – rappreżentat minn Manuel Mallia – għamel pressjoni kbira biex jitkeċċa Pieter Omtzigt, ir-rapporteur magħżul mill- Assemblea Parlamentari. Din il-pressjoni ma ħallietx frott.
Il-Kumitat issa adotta r-rapport tar-rapporteur u rrakkomanda li dan jiġi wkoll adottat mill-Assemblea Parlamentari permezz ta’ riżoluzzjoni li se tkun ta’ pressjoni morali internazzjonali kbira fuq il-gvern ta’ Malta bil-għan li dan jiġi mġiegħel jissottometti ruħu għal-livelli Ewropej f’dawk li huma diċenza u rispett fil-konfront tad-drittijiet tal-bniedem.