L-Avukat Ġenerali lill-qorti qalilha li mhux bi ħsiebu juża s-setgħat mogħtija lilu mil-liġi biex ikun jista’ jgħasses kontijiet bankarji ta’ dawk li huma suspettati li kellhom x’jaqsmu mal-iskandlu tal-bejgħ tal-isptarijiet lil VGH. Illum huwa fakkar lill-Qorti li l-liġi tagħtih id-diskrezzjoni li jasal għal deċiżjoni bħal din u li m’għandu għalfejn jagħti spjegazzjonijiet jew kont lil ħadd jekk jiddeċiedi li ma jfittixx lil min ikun kiser il-liġijiet.

Ir-riposta ta’ Peter Grech waslet wara li l-ġimgħa li għaddiet il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit lill-Avukat Ġenerali infurmatu li Repubblika talbitu joħroġ ‘monitoring order’. Wara li Repubblika ppreżentat rikors urġenti nhar il-Ġimgħa wara nofsinhar, il-Maġistrat tat digriet ftit inqas minn siegħa wara li permezz tiegħu infurmat lill-Avukat Ġenerali li jeżisti suspett ta’ “cover-up” u talbitu jagħmel użu mis-saħħa li tagħtih il-liġi biex dan il-“cover-up” ma jseħħx.

Repubblika għamlet it-talba tagħha bħala waħda supplimentarja għat-talba li kienet għamlet għat-tnedija ta’ inkjesta dwar l-iskandlu VGH. Ftit sigħat wara li Repubblika ppreżentat it-talba oriġinali tagħha, Sri Ram Tumuluri beda’ l-proċess biex jagħlaq disa’ mill-kumpanniji offshore li nħolqu biex jirċievu ħlasijiet mill-konċessjoni VGH f’Malta.

L-azzjonijiet ta’ Sri Ram Tumuluri inkixfu minn The Shift News li kienet għamlet investigazzjoni dettaljata li kienet iddokumentat l-aspetti moħbija u mimlijin dellijiet tal-privatizzazzjoni VGH.

Repubblika talbet lill-Qorti tniedi nkjesta, msejsa fuq dawn l-investigazzjonijiet, dwar l-imġieba ta’ Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi. Din il-talba għadha pendenti.

Fir-risposta li ppreżenta llum fil-qorti, l-Avukat Ġenerali ċaħad l-informazzjoni li xandret The Shift News u stqarr li “m’għandu ebda informazzjoni li jista’ joqgħod fuqha u li tissodisfa il-ħtiġijiet tal-liġi li l-persuni li ġew indikati bħala persuni suspettati minn Repubblika ippruvaw iwettqu cover-up”.

L-aġir tal-Avukat Ġenerali se jippermetti lill-ħallelin li jkomplu jgħadduha lixxa hekk kif l-awtorità tal-infurzar tal-liġijiet ta’ Malta ddaħħal rasha fir-ramel u ċċaħħad lilha nnifisha mis-setgħat mogħtija lilha bil-liġi biex twaqqaf reati kriminali ta’ natura finanzjarja milli jseħħu.

Din l-istorja titfa’ dawl fuq in-nuqqasijiet kbar li hemm fl-infurzar tal-liġijiet meta reati kriminali li fihom ikunu imdaħħla l-politiċi ma jiġux investigati għaliex il-persuna li jkollu s-setgħa li tmexxi kontrihom – jiġifieri Peter Grech — ġġib ruħħa bħallikieku kienet l-avukat tagħhom.

L-ewwel nett, skont il-liġi l-Avukat Ġenerali huwa wkoll iċ-Chairman tal-aġenzija tal-financial intelligence, jiġifieri l- FIAU. Ir-rifjut tal-Avukat Ġenerali li juża s-setgħat tiegħu biex jagħmel l-għassa fuq ħlasijiet li jkunu rċievew persuni suspettati ta’ reati finanzjarji huwa sinjal ċar tal-livelli baxxi tal-intelligence gathering‘ u tal-proċeduri tal-FIAU.

it-tieni, l-Avukat Ġenerali qed jirrepeti l-ħrafa li s-suspett li seta’ seħħ reat m’huwiex biżżejjed biex jibda’ investigazzjoni. L-avukat Ġenerali bħal donnu qed ifisser li “informazzjoni li tista’ tistrieħ fuqha” hi evidenza li tkun biżżejjed biex tikkundanna lil xi ħadd mingħajr il-ħtieġa li ssir investigazzjoni minnu, mill-pulizija jew mill-FIAU.

It-tielet, l-Avukat Ġenerali qed juri ħeġġa żejda biex jiddefendi d-diskrezzjoni li tagħtih il-Kostituzzjoni li tgħid li m’huwa kontabbli lejn ħadd fejn jidħlu kwistjonijiet ta’ natura kriminali. Dan ifisser li anki li kieku kellu jieħu deċiżjoni ħażina u li jippermetti lill-kriminali jgħadduha lixxa, ma jista’ għalih ħadd.

Id-diskrezzjoni mogħtija lill-Avukat Ġenerali mill-Kostituzzjoni tippreżumi li huwa għandu jaġixxi fl-aħjar interessi tal-ġustizzja. Saħansitra anki d-deċiżjonijiet tal-ogħla qrati tagħna jistgħu jiġu mwarrba fl-appell minn awtoritajiet aktar għoljin.

Bħalma kull deċiżjoni ta’ maġistrat dwar jekk persuna għandux jiġi kundannat jew le tista’ titwarrab fl-appell, deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali dwar jekk għandux imexxi kriminalment jew le  — jew anki dwar jekk għandhomx jinbdew proċeduri biex ma jseħħx reat kriminali – għandha wkoll tkun soġġetta għal appell.

Il-fatt hu li d-diskrezzjoni tal-Avukat Ġenerali m’hix appellabbli.

Dan id-difett tkellmu dwaru tal-Kummissjoni ta’ Venezja iżda l-gvern ma riedx idaħħal appelli fuq deċiżjonijiet tal-Avukat Ġenerali. It-tibdiliet proposti mill-gvern iħallu barra dak li pproponiet il-Kummissjoni ta’ Venezja dwar dan il-punt.

Bis-saħħa t’hekk l-impunità tkun garantita għax l-Avukat Ġenerali jista’ jkompli jirrifjuta li jinvestiga jew li jmexxi kriminalment kontra ministri tal-gvern u kontra l-ħbieb korrotti tagħhom.

Dan huwa eżempju ieħor tal-kollass tas-saltna tad-dritt.